L-Arċisqof Charles Scicluna ħatar lil Patri Joseph Mamo bħala kappillan tal-Parroċċa ta’ Marija Addolorata, San Pawl il-Baħar.
Patri Joseph Mamo twieled fis-16 ta’ Diċembru 1963 u trabba Birkirkara.
Irċieva l-edukazzjoni primarja fl-iskola ta’ Santa Venera u l-edukazzjoni sekondarja fil-Kulleġġ Savio, Ħad-Dingli.
Kompla l-edukazzjoni terzjarja fl-INSERM, fis-Seminarju tal-Arċisqof, fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta u fil-Kulleġġ Sant’Antonio Dottore f’Padova l-Italja.
Huwa kien ordnat saċerdot fil-5 ta’ Lulju 1991 u matul is-snin serva bħala Segretarju Provinċjali tal-Franġiskani Konventwali, Gwardjan u Rettur tal-istudenti fil-kunvent ta’ San Franġisk Birkirkara, Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Pawl il-Baħar, Kappillan tal-Parroċċa ta’ Burmarrad, Viċi Kappillan tal-Parroċċa tal-Qawra u Ekonomu Provinċjali.
Minn Jannar 2021 beda jagħti servizz fit-Tribunal Metropolitan tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.
Il-parroċċa ta’ San Pawl il-Baħar tiġbor fiha madwar 10,900 persuna.