Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet illi l-awtoritajiet tas-saħħa se jkomplu mexjin pass, pass fil-proċess biex jiftħu aktar stabbilimenti u biex jagħtu mbuttatura ħalli jkunu jistgħu jsiru ċerti attivitajiet. Dwar l-attivitajiet tal-massa, b'postijiet bħal diskoteki u parties Gauci fakkret illi dawn huma meqjusin bħala attivtajiet li jġorru magħhom l-akbar riskju u allura se jkunu l-aħħar li jinfetħu.
"Mhuwiex lok għal attivitajiet tal-massa għalissa, imma se nimxu pass, pass u niftħu skont dak li qed jiġri f'pajjiżna u skont il-kriterji li bihom qed immexxu dan il-proċess," qalet Gauci għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara li lbieraħ iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali Belt Valletta Jason Micallef qal illi l-awtoritajiet tas-saħħa indikawlu li ma jistgħux isiru attivitajiet kulturali, lanqas dawk ikkontrollati, sa Settembru.
Din ġabet reazzjoni negattivi minn Howard Keith, iI-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Industrija tal-Arti u d-Divertimenti - li sostna illi "issa żżejjed, kollu żejjed."
Minkejja dan, mistoqsija diversi drabi, Gauci qatt ma kkomettiet ruħha għal Settembru, bħala x-xahar li fih jiftħu l-attivitajiet tal-massa
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika baqgħet issostni li l-affarijiet se jibqgħu jiftħu "pass, pass" u li aktar rilaxx se jibqa' jkun imħabbar skont ir-realtà tas-sitwazzjoni tal-Covid-19.
Minn nhar it-Tnejn li ġej ir-ristoranti, snack bars u kafetteriji jistgħu jibqgħu miftuħin sa nofsilejl minflok sal-5:00 p.m, se jiftħu l-pixxini mit-8:00 a.m sat-8:00 p.m. kif ukoll se jerġgħu jiftħu l-gyms, fost oħrajn.
Anke dwar it-tneħħija tal-maskri Gauci qalet li kollox se jiġi rilaxxat pass, pass.