Il-PN jipproponi li jkun hemm proċess biex priġunieri barranin jiġu ripatrijati

Beppe Fenech Adami, il-Kelliem tal-Intern tal-PN, iħabbar 10 proposti għal titjib fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin

Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li fid-dawl tal-popolazzjoni dejjem tikber ta' priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin, issir ripatrijazzjoni ta' priġunieri barranin.  Din il-proposta għamilha waqt konferenza indirizzata mill-Kelliem tal-Intern tal-PN Beppe Fenech Adami u numru ta' kandidati tal-istess partit, illi fiha żvela 10 proposti differenti li jitrattaw lill-Faċiltà.

"Għandna sitwazzjoni illi madwar nofs il-priġunieri huma barranin.  Aħna nemmnu li mhu jsir xejn biex din ir-ripatrijazzjoni ssir u l-priġunieri - uħud li ġejjin mil-Istati Uniti jew ir-Renju Unit - permezz ta' trattati u ftehim bilaterali, jiskontaw is-sentenza f'pajjiżhom." 

Fost il-proposti l-oħrajn il-PN qed jgħid li arrest preventiv għandu jkun l-eċċezzjoni għar-regola u jintuża biss f’każijiet mill-aktar serji.  Qed jisħaq ukoll li għandhom jiġu pprovduti aktar half-way houses u akkomodazzjoni b’superviżjoni li jkunu maħsuba għall-priġunieri li waslu fl-aħħar tas-sentenza tagħhom

Apparti l-estensjoni strutturali tal-ħabs, il-PN qed jipproponi li jingħata trattament "aktar xieraq" lill-vittmi tad-droga lilhinn mill-ħabs innifsu kif ukoll riforma fil-qasam tal-parole biex ikun il-priġunier li jiddeċiedi hu x'tip ta' rijabilitazzjoni u rforma jixtieq. 

"Niżviluppaw il-kunċett ta’ parole abbażi ta’ anzjanitá u saħħa fiżika, maħsuba għall-priġunieri li qed iġarrbu kundizzjonijiet serji," tgħid proposta oħra tal-PN żvelata llum.

Il-PN sostna li dawn il-proposti qed isiru biex ikun hemm kundizzjonijiet "aktar umani għall-priġunieri, ambjent tax-xogħol aħjar għall-gwardjani u l-persunal u jingħata serħan moħħ li 's-sitwazzjoni taħt kontroll.'

Tkellmu waqt il-konferenza wkoll il-kandidati Graziella Galea, Errol Cutajar u Darren Carabott.

 

More in Politika