Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li llum, f'Malta, se jkunu ġew amministrati aktar minn nofs miljun doża tal-vaċċin kontra l-Covid-19.
Apparti minn hekk, spjega Fearne, 200,000 persuna issa huma mlaqqma kompletament. Dan ifisser li dawn il-persuni ħadu jew żewġ dożi fil-każ tal-vaċċin ta' Pfizer, Moderna jew AstraZeneca u d-doża fil-każ ta' Johnson & Johnson.
Nhar it-Tnejn Malta laħqet l-immunità tal-massa u mill-1 ta' Lulju, għal dawk li huma mlaqqma, l-ilbies tal-maskri mhux se jibqa' obbligatorju fuq barra, anke jekk xorta waħda jibqa' rrakkomandat.
Minkejja dan il-progress, l-awtoritajiet tas-saħħa xorta waħda qed iwissu għall-kawtela, bir-restrizzjonijiet se jibqgħu jitnaqqsu pass pass, bl-ebda data ma tingħata għall-ftuħ mill-ġdid ta' attivitajiet tal-massa, attivitajiet oħra kulturali fuq barra u l-ftuħ tad-diskoteki.