'X'inhi l-movitazzjoni wara din id-drama kollha?'; Howard Keith jistaqsi

Howard Keith Debono jfakkar li l-istess mistoqsijiet tqajmu fl-2016 u mbagħad kien sar magħruf li fl-2016 it-TVM għamel profitt mill-Eurovision

Howard Keith Debono tkellem għall-ewwel darba wara l-kontroversja li qamet fuq in-nefqa ta' Malta għall-Eurovision Song Contest ta' din is-sena u anke l-investigazzjoni li ntalbet mill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, dwar allegazzjonijiet li parti mill-flus li ngħataw lid-delegazzjoni Maltija ntużaw biex jagħtu spinta lill-probabbiltajiet ta’ Destiny mal-bookmakers.

Fil-kumment tiegħu, Howard Keith saħaq li ironikament l-istess mistoqsijiet tqajmu fl-2016, meta ħadet sehem Ira Losco. Insista li wara kien sar magħruf li l-PBS kien għamel profitt mill-Eurovision u mhux telf.

Illum, The Times of Malta rrapportat li ntefqu madwar €650,000 fuq il-Eurovision. 

Debono saħaq li jiddefendi d-dritt li wieħed jistaqsi kif qed jintefqu flus il-poplu, imma staqsa wkoll x'inhi "il-motivazzjoni wara din id-drama kollha."

Qal illi kieku kien Destiny kien jiddispjaċih għax dan ifisser li ħafna ma kellhomx fiduċja fiha u fir-riżultat miksub.

Insista li hu jinsab ħerqan daqs kulħadd biex jinstab jekk hux veru ntefqu fondi pubbliċi biex jintlagħbu fuq Destiny mal-bookmakers. Saħaq li jekk dan huwa minnu, "mhuwiex aċċettabbli."

Madanakollu saħaq li jekk dan ma jkunx il-każ, "livell ġdid ta' mistħija jrid ikun indirizzat."

"Imsomma. Aħna qatt ma aħna kuntenti b'xejn u allura miniex sorpriż," temm jikteb Debono.

More in Politika