Il-Kabinett japprova l-użu ta' ċertifikat tal-vaċċin biex jinfetħu xi 'attivitajiet limitati'
Il-ġimgħa d-dieħla l-Gvern mistenni jippubblika u jagħti d-dettalji ta' dan iċ-ċertifikat tal-vaċċin
More in Politika
Il-ġimgħa d-dieħla l-Gvern mistenni jippubblika u jagħti d-dettalji ta' dan iċ-ċertifikat tal-vaċċin
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar, waqt il-programm XTRA, li din il-ġimgħa l-Kabinett qabel li jinfetħu xi attivitajiet limitati għal persuni li jkunu mlaqqma kontra l-Covid-19.
Fil-fatt, il-Ministru Fearne qal li l-ġimgħa d-dieħla se jkun ippubblikat iċ-ċertifikat tal-vaċċin, maħruġ mill-Gvern Malti biex ikun jista' jintuża biex jinfetħu xi attivitajiet "limitati."
Madanakollu, fl-ebda ħin ma ta dettalji dwar x'inhuma dawn l-attivitajiet u meta se jkunu jistgħu jerġgħu jibdew isiru.
Mistoqsi dwar is-settur tad-divertiment, il-Ministru insista li r-rata tat-tilqim u anke l-mod kif in-numri qed jinżammu taħt kontroll juru li Malta, ftit ftit, riesqa lejn in-normalità u allura l-ftuħ mill-ġdid ta' dan is-settur.
"Hemm irridu naslu imma għadna ma wasalnix," insista. "Sakemm għad hemm il-pandemija madwar id-dinja, u għalhekk iċ-ċans li joħorġu varjanti ġodda, irridu nżommu l-kawtela. Ma jfissirx li ma nnaqqsux aktar restrizzjonijiet."
Insista li għaddejin diskussjonijiet ma' dawk involuti fis-setturi tal-arti u d-divertiment biex ftit ftit anke dawn jiftħu, imma b'mod li jagħmel sens.
"Jekk niftħu bl-għaġla u l-każi jerġgħu jiżdiedu, huma se jkunu li jerġgħu jagħlqu l-ewwel," insista Fearne.
Ċertfitikat jew test qabel taqbad l-arjuplan
Apparti minn hekk, Fearne ikkonferma dak li kienet żvelat il-gazzetta ILLUM, jiġifieri li mill-1 ta' Ġunju (nhar it-Tlieta) se jkunu qed jiżdiedu l-kontrolli fuq il-fruntieri.
Qal li t-turisti kollha li jkunu ġejjin Malta se jkunu mitluba jew iċ-ċertifikat tal-vaċċin jew inkella test negattiv kontra l-Covid-19 qabel ma jaqbdu l-ajruplan u mhux wara.
Inċentiv fil-postijiet tax-xogħol biex aktar nies jitlaqqmu
Il-Ministru Chris Fearne ħabbar ukoll li hekk kif ħafna issa tlaqqmu u għadu għaddej it-tilqim, għad hemm gruppi żgħar ta' nies li għadhom ma ħadux it-tilqima.
Għalhekk qal li l-Gvern, aktar 'il quddiem, se jkun qed jitkellem ma' kumpaniji kbar, biex jekk dawn jiġbru 200 ħaddiem li jkunu jridu jitlaqqmu, l-infermiera jmorru fuq il-post tax-xogħol stess biex jamministraw it-tilqima lil dawn l-impjegati.