Nhar is-Sibt li ġej, bejn 9:00.a.m u 12:30.p.m, il-Partit Nazzjonalista ser jilqa’ fid-Dar Ċentrali lil kull min hu interessat jirreġistra l-interess tiegħu "fil-kawża tal-inġustizzja tal-mekkaniżmu ħażin li bihom qegħdin jinħadmu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma."
Dan kollu tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Parlament David Agius u l-Kelliem għall-Politika dwar l-Ilma u l-Enerġija u l-Iżvilupp Sostenibbli Ryan Callus.
David Agius insista li l-Gvern f’dawn l-aħħar snin seraq €50 miljun minn fost il-poplu Malti u Għawdxi. Hu wegħed li ġaladarba jitla' Gvern ġdid immexxi mill-Partit Nazzjonalista hu se jirritorna dawn il-miljuni ta’ ewro li "l-poplu qed jinsteraq fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma mill-2013 ‘l hawn."
Intant Ryan Callus qal li "l-Partit Laburista fl-ebda mument ma ċaħad li dan is-serq mhux qed isir. U għalhekk lanqas biss ikkommetta ruħu li jindirizza din l-anomalija aħseb u ara kemm jirritorna lura l-flus li nsterqu mill-familji Maltin."
L-inizjattiva tal-Partit Nazzjonalista ser issir nhar is-Sibt li ġej u dawk interesati li jattendu huma mitluba jieħdu magħhom il-karta tal-identitá u n-numru tal-kont tagħhom.