Tmien organizzazzjonijiet u diversi residenti ta' Pembroke ngħaqdu biex iressqu appell mat-Tribunal tal-Ippjanar kontra l-approvazzjoni tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tal-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (EIA) għall-proġett tad-DB group fuq l-eks sit tal-ITS.
Dan il-proġett vast u intensiv, f'żona fil-biċċa l-kbira tagħha residenzjali u maġenb żewġ siti ta' Natura 2000, kien irċieva ammont rekord ta' oġġezzjonijiet - 17,000 oġġezzjoni fuq erba' perjodi ta' oġġezzjoni differenti - u oppożizzjoni qawwija minn kullimkien, inkluż residenti, Kunsilli Lokali, gruppi tan-negozju u NGOs.
"M'aħniex se noqogħdu kwieti waqt li l-ERA tapprova, mingħajr skrutinju, evalwazzjoni estremament difettuża, mhux sostanzjata u nofs kedda”, qal kelliem għall-appellanti. "L-ERA qed tkompli tikkunsidra l-iskavar ta' mina li mhijiex inkluża fl-applikazzjoni bħala fattur mitiganti iżda tirrifjuta li tikkunsidra l-impatti ambjentali negattivi tal-mina. Il-valutazzjoni hija bbażata fuq xenarji li ma ġewx ittestjati u mimlija inkonsistenzi. Għal darb'oħra l-ERA abdikat mir-responsabbiltajiet tagħha bħala awtorità li suppost tissalvagwardja d-drittijiet ambjentali b’mod sostantiv u proċedurali skont il-liġi lokali u l-liġi tal-UE. Dan aħna nisfidawh."
It-tmien organizzazzjonijiet huma: Din l-Art Ħelwa, Flimkien Għal Ambjent Aħjar (FAA), Friends of the Earth Malta, Green House, Moviment Graffitti, Rota, The Archaeological Society Malta u Żminijietna - Voice of the Left