Adrian Hillman akkużat b'ħasil ta' flus u frodi fost oħrajn - jingħata l-ħelsien imma bl-assi ffriżati

F'xhieda f'Marzu kien intqal li l-profitt tax-xogħol li kien rebaħ Keith Schembri kien inqasam ma' Hillman u oħrajn - rapport tal-FIAU kien innota ħlas suspettuż ta' €650,000 bejn Schembri u Hillman

Adriam Hillman, eskortat ġewwa l-binja tal-Qorti
Adriam Hillman, eskortat ġewwa l-binja tal-Qorti

Dalgħodu Adrian Hillman qed jitressaq il-Qorti u qed ikun akkużat b'diversi reati ta' natura finanzjarja - frodi, ħasil ta' flus, konspirazija biex isir reat, li għamel dikjarazzjoni falza lil awtorità pubblika u li aċċetta tixħim fil-pożizzjoni tiegħu fl-Allied Newspapers u Progress Press. 

Il-Qorti aċċettat it-talba għall-ħelsien mill-arrest filwaqt li imponiet friża fuq l-assi tiegħu u ta' żewġ kumpaniji. 

Hillman kien il-persuna li flimkien mal-eks Direttur Maniġerjali Vince Buhagiar, kien strumentali biex il-kumpanija Allied Newspapers tagħti tender lill-kumpanija Kasco, li hija tal-eks Chief of Staff f'Kastilja Keith Schembri, għal xiri ta' magni ġodda għall-istess Allied li tippubblika l-gazzetta The Times.

Nhar is-26 ta' Marzu l-Ispettur Joseph Xerri qal illi mix-xogħol li rebħet għal magni mixtrijin mill-Allied Newspapers il-kumpanija Kasco għamlet $5 miljuni, b'dawn il-profitti jinqasmu bejn Schembri, Malcolm Scerri - sieħeb fin-negozju ma' Keith Schembri - Adrian Hillman u Vince Buhagiar, eks Direttur Maniġerjali u eks Chairman tal-Allied Newspapers rispettivament. 

Il-Qorti semgħet kif Hillman u Buhagiar ressqu proposta mill-Kasco Engineering ta' $13-il miljun, bil-magni jaslu sitt xhur wara fl-2010. L-Ispettur Xerri kien xehed kif il-magni li nxtraw mill-Allied Newspapers għal €13-il miljun kienu stmati li fil-verità jiswew €2 miljuni skont id-dikjarazzjonijiet tad-Dwana.

Il-Qorti semgħet ukoll kif il-flus li rċevew Adrian Hillman u Vince Buhagiar, poġġewhom fil-kont personali tagħhom - minkejja li x-xiri kien f'isem il-Progress Press.  Dawn it-tnejn iddepożitaw aktar flus li mhux ċar minn fejn ġew bl-Ispettur Joseph Xerri jiddeskrivi dan kollu bħala "każ ċar ta' tixħim."

Minn naħa tagħha l-Ispettur Ann Marie Xuereb xehdet kif Keith Schembri kien qalilhom li kien mar Brussell, flimkien mad-Diretturi tal-Allied Newspapers Adrian Hillman, Vince Buhagiar u oħrajn mill-Fondazzjoni Strickland kif ukoll Malcolm Scerri u Robert Zammit li wkoll jinsabu taħt arrest - biex jaraw dawn il-magni.

Skont rapport tal-FIAU li mhuwiex ippubblikat Schembri kien allegatament għadda €650,000 lil Hillman fi 30 "tranżazzjoni suspettuża", tagħrif li kien żvelat l-ewwel mill-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil. 

 

More in Politika