Mil-lum tista' tibbukkja mal-Gozo Fast Ferry permezz tas-sit jew l-App

Kull persuna li tuża l-fast ferry, malli tinżel il-Belt se jkollha wkoll biljett biex tuża l-lift tal-Barrakka b'xejn fi żmien siegħa mill-vjaġġ

Il-kumpanija Gozo Fast Ferry nediet is-sit tagħha u anke app b’xejn li tista’ titniżżel fuq kull smartphone biex mil-lum il-klijenti jistgħu jixtru l-biljetti bi prezz ridott, hekk kif minn għada se jkun qed jibda jingħata s-servizz bejn il-Belt u l-Imġarr.

Għall-adulti, il-prezz ta’ kull vjaġġ bir-ritorn huwa ta’ €9.99 u għat-tfal €5.99

Meta persuna tixtri l-biljetti minn fuq is-sit www.gozofastferry.com jew inkella minn fuq l-app, li tista’ titniżżel minn fuq Google Play Store jew mill-Apple App Store, se tkun qed tgawdi minn prezzijiet ridotti.

Persuna se tkun tista’ tixtri l-biljetti għaliha jew inkella għall-grupp. Tista’ tixtri l-biljett għal vjaġġ speċifiku, mingħajr data ta’ ritorn, jew inkella biljett b’data u ħin speċifiku għar-ritorn. Tista’ tixtri wkoll biljett b’data ta’ ritorn miftuħa, bil-biljett ikun jista’ jintuża fi żmien 30 ġurnata.

Dawk li għandhom aktar minn 60 sena u t-tfal se jkunu qed iħallsu €3.99. Ir-residenti Għawdxin se jħallsu €4.50, filwaqt li kull persuna li jkollha Tallinja jew student card jistgħu jixtru vjaġġ bir-ritorn għal €7.99.

Persuna tista’ ttella r-rota b’xejn. Tfal li għandhom inqas minn erba’ snin jivjaġġaw b’xejn iżda xorta jrid ikollhom seat ibbukkjat minħabba raġunijiet ta’ sigurtà.

Apparti minn hekk, meta persuna tinżel f’Ta’ Liesse fil-Belt Valletta, se tkun tista’ tuża wkoll b’xejn il-lift tal-Barrakka, fi żmien siegħa minn meta tkun qabdet il-fast ferry.

Is-servizz tal-fast ferry se jkun offrut ukoll mill-kumpanija Virtu Ferries Gozo.

More in Politika