Waqt it-tnedija taċ-ċertifikat tal-vaċċin, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega kif dan se jkun qed jiffaċilita l-organizzazzjoni ta' attivitajiet kulturali u ta' divertiment li sa issa ma setgħux isiru.
Fil-fatt, tul il-konferenza, il-Ministru Fearne saħaq li ċ-ċertifikat se jkun qed joffri opportunità, biex f'Lulju u Awwissu jkunu jistgħu jibdew isiru attivitajiet kulturali u ta' divertiment, anke jekk se jkunu "limitati" u "kkontrollati."
Fearne saħaq li fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu qed jingħataw aktar dettalji dwar dan u liema se jkunu l-attivitajiet li jinfetħu għall-persuni mlaqqma.
"Jekk naraw li jkunu suċċess, bejn Lulju u Awwissu, inkomplu nkabbru dawn l-attivitajiet, biex waqt li nipproteġu s-saħħa, inkunu nistgħu nerġgħu niftħu l-ħajja soċjali u kulturali tagħna.'
Mistoqsi x'se jiġri minn dawk li għażlu li ma jmorrux għat-tilqima, il-Ministru Fearne qal li dawn qed jibbenefikaw mir-rilaxx tal-miżuri bħal kull persuna, iżda saħaq li għalissa hemm attivitajiet li għalihom se jkunu jistgħu jattendu biss nies imlaqqma.
Dwar persuni li ma ħadux il-vaċċin minħabba raġunijiet validi ta' saħħa, Fearne qal li l-awtoritajiet tas-saħħa se jkunu qed jevalwaw dawn il-każi wieħed wieħed.
Aqra wkoll: