'Irridu nkomplu noħolqu aċċessibilità għal Għawdex inkluż bl-arju' - Ministru Camilleri

Il-Ministru Clint Camilleri jikkummenta fl-istess linja tal-GTA dwar trasport bl-ajru bejn Malta u Għawdex issa li beda jopera l-fast ferry

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri waqt l-attività li matulha kien imniedi s-servizz ta' fast ferry bejn Malta u Għawdex qal illi sabiex Għawdex jibqa' Għawdex, "irridu nibqgħu nippreservaw il-familji u ż-żgħażagħ Għawdxin biex dawn jibqgħu jaħdmu f'Għawdex."  Huwa qal illi bil-miġja tal-fast ferry diversi studenti qed jaħsbu fil-fatt jirrilokawx lura għal Għawdex, xi ħaġa li saħaq illi għandha tgħin biex tiġġieled snin ta' brain drain mill-gżira hekk kif bosta nies marru jaħdmu Malta. 

Huwa qal li dan il-Gvern jemmen li Għawdex għandu potenzjal u allura jattira aktar investiment lejn il-gżira Għawdxija. "Nemmen bis-sħiħ li rridu inkomplu noħolqu konnettività bejn Għawdex, Malta u l-bqija tad-dinja, b'modi differenti inkluż, iva, bl-ajru," sostna l-Ministru. "Dan huwa biss il-punt tat-tluq," sostna. 

Kliem il-Ministu ta' Għawdex jiġi wara illi l-gazzetta ILLUM nhar il-Ħadd li għadda kkwotat il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu (GTA) Joe Muscat jgħid illi wara l-fast ferry, "il-pass li jmiss huwa s-servizz b'ajruplan bejn l-Arjuport u Għawdex." 

 

 

 

 

 

More in Politika