'Dekriminalizzazzjoni waħedha toħloq konfużjoni u tħalli lin-nisa fejn huma llum'
L-avukat Desiree' Attard tisħaq mal-ILLUM illi minkejja li dak ta' Marlene Farrugia kien pass tajjeb, dekriminalizzar tal-abort waħdu jġib konfużjoni u free-for-all...
minn Albert Gauci Cunningham
"Id-dekriminalizzazzjoni mingħajr ma tirregola se toħloq free-for-all u ħafna konfużjoni. Billi tneħħi l-artiklu tad-dekriminalizzazzjoni u m'għidtlix x'se nagħmel minflok, ħallejtni fejn kont."
Hekk sostniet mal-gazzetta ILLUM Desiree' Attard, avukata, eks Kunsilliera Laburista u persuna li dejjem esprimiet opinjoni favur id-dħul tal-abort.
Hija qalet illi filwaqt li tapprezza l-pass li għamlet id-Deputat Marlene Farrugia (Ara paġni 12 u 13) Attard qalet li kif inhi l-liġi, din ma tagħtix linji gwida, la lin-nisa u lanqas lit-tobba u l-professjonisti. "Mingħajr linji gwida n-nisa se jibqgħu jixtru l-pilloli u jibqgħu jfittxu l-abort onlajn."
Hija qalet illi jekk il-liġi kellha tgħaddi kif inhi, it-tabib xorta se jfakkar lil mara illi l-abort huwa att illegali u għalkemm hu ma jmurx il-ħabs, xorta jibqa' l-fatt li hu jkun qed jagħmel xi ħaġa illegali jew iwettaq jew jiffaċilità l-abort. Għalhekk, tispjega Attard, bid-dekriminalizzazjoni t-tobba xorta se jagħlquhom il-bieb f'wiċċhom lin-nisa.
"Dekriminalizzazzjoni mingħajr legalizzazzjoni mhux se taħdem," saħqet l-avukat Attard. "Kulħadd irid ikun jaf il-parametri tal-liġi."
'L-abbozz huwa difettuż ...'
Hi tkompli tgħid, filwaqt li tfakkar dejjem li dan kien pass pożittiv, li iżda l-abbozz minnu nnifsu huwa "difettuż" u tispjega għaliex.
Attard qalet illi fl-abbozz 'abort sfurzat' kien innumerat minflok 'żwieġ sfurzat', wieħed minflok l-ieħor. "Żball tekniku veru, imma juri illi forsi nkiteb wisq b'għaġġla dan l-abbozz."
Hija qalet ukoll li l-abort b'negliġenza - jiġifieri meta jsir abort imma ma jkun hemm ebda intenzjoni li jsir - bħal per eżempju meta tabib jagħti xi tip ta' mediċina li twassal biex it-tarbija titlef ħajjitha, b'emenda qed jitneħħa. Attard qalet illi abort b'negliġenza jeħtieġ dejjem jibqa' kriminalizzat, ladarba l-omm qatt ma riedet tagħmel l-abort.
Hija qalet illi ma tistax tifhem kif qed jingħad, li l-abort b'negliġenza m'għandux jissemma' fl-abbozz għax Malta għandha liġijiet li jitrattaw qtil involontarju. Dan - skont Desiree' Attard - jiftaħ preċedent li jpoġġi lit-terminazzjoni tat-tqala fuq l-istess binarju ta' qtil ta' persuna adulta, meta Attard tgħid li l-liġi tal-1856 diġà qed tagħmel din id-differenza. "Din l-emenda qed tagħmel t-terminazzjoni ta' tqala involontarja u l-omiċidju involontarju daqslikieku huma l-istess ħaġa."
'Ma tistenniex aħjar mill-PN'
U x'taħseb Attard dwar ir-reazzjonijiet tal-PN, il-PL u l-ADPD?
Dwar il-PN, Attard tgħid li l-pożizzjoni li ttieħdet bla diskussjoni interna, "kienet mistennija. Ma tistenna xejn aħjar! Hija ħasra li wrew disservizz lil dawk il-kandidati tal-istess partit li huma pro-choice." Il-Kap tal-PN ħareġ kontra d-dikriminalizzazzjoni, bla ebda forma ta' diskussjoni fil-partit.
Dwar l-ADPD hija esprimiet opinjoni pożittiva, għalkemm qalet li l-Ħodor fl-Ewropa huma aktar liberali. L-ADPD ħareġ favur id-dikriminalizzazzjoni u l-abort f'ċikostanzi partikolari bħal każi ta' stupru, abbuż, vjolenza u tqala detrimentali għas-saħħa tal-mara.
Fil-każ tal-Partit Laburista hija qalet illi tifhem il-pożizzjoni minħabba li fil-Grupp Parlamentari hemm min hu liberali ħafna u min hu konservattiv ħafna. "Pero' jiena xorta inħossni komda b'din il-pożizzjoni u nifhem li hemm ħafna diskussjoni li għad trid issir." Il-Partit Laburista ħareġ kontra l-mozzjoni, fakkar li l-PM Robert Abela dejjem esprima ruħu kontra l-abort, imma ma kkommettiex lilu nnifsu kontra d-dikriminalizzazzjoni.