Malta għad m'għandha l-ebda ftehim bilaterali fuq iċ-ċertifikati tat-tilqima

Dan jista' jwassal biex turisti jagħżlu destinazzjonijiet oħra fejn ma jkollhomx komplikazzjonijiet malli jaslu għax ikunu jirrikonoxxu ċ-ċertifikat tat-tilqima ta' pajjiżhom

Malta għadha għaddejja bid-diskussjonijiet ma' numru ta' pajjiżi bil-għan li jirrikonoxxu ċ-ċertifikati tat-tilqima ta' xulxin.

Dan ikkonfermah mal-gazzetta oħt BusinessToday, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.

Malta fetħet uffiċjalment il-bibien tagħha għat-turiżmu mill-1 ta' Ġunju u bdew kampanji biex jiġu attirati t-turisti.

Iżda l-fatt li Malta għadha fil-proċess li tirrikonoxxi ċ-ċertifikati tal-vaċċin ta' pajjiżi oħra, jista jwassal biex turisti jagħżlu destinazzjonijiet oħra biex ma jkollhomx komplikazzjonijiet u restrizzjonijiet jew mużuri stretti li jridu jsegwu. 

It-Tnejn li għadda, Malta nediet iċ-ċertifikat tat-tilqima bil-għan li jagħmilha aktar faċli għall-Maltin li jkunu jixtiequ jsiefru lejn dawk il-pajjiżi li qed jiftħu għat-turiżmu.

Diversi pajjiżi, fosthom il-Bulgarija, iċ-Ċekja, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Greċja, il-Kroazja u anke l-Polona wkoll nedew iċ-ċertifikati tat-tilquma għaċ-ċittadini tagħhom.

Il-Ministru Bartolo insista li Malta għadha għaddejja bid-diskussjonijiet u li dawn qed jitmexxew mill-Ministeru għall-Affariijet Barranin.

"Imma anke mingħajr dawn il-ftehmiet, l-operaturi f'Malta huma ottimisti li x-xhur li ġejjin se jkunu tajbin," saħaq il-Ministru waqt li tenna li kulħadd jaqbel ukoll li l-pajjiż għandu jibqa' kawt, għax ma jaffordjaw li jitlef il-kontroll u jkollu jerġa' jimponi restrizzjonijiet.

More in Politika