Analiżi | Bużżieqa li qed tintnefaħ. Imma f'wiċċ min se tinfaqa'?
L-akkużi li Ministru kien imdaħħal f'hold up 11-il sena ilu huma gravi ħafna. Il-mistoqsija imma hija: Dawn l-akkużi huma veri jew le? L-aħwa Degiorgio huma kredibbli jew le? U jekk huma veri fejn iħallu lill-PL? U jekk mhumiex, fejn iħallu lill-PN?
minn Albert Gauci Cunningham
Mill-ġdid il-ġimgħa l-oħra fuq l-aħbarijiet iddominaw l-allegazzjonijiet taż-żewġt aħwa akkużati illi esegwew l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia fuq il-Ministru Carmelo Abela. Huma qed jisħqu illi Abela kien involut b'xi mod fl-attentat ta' serqa li seħħet fil-kwartieri tal-HSBC f'Ħal Qormi, liema serqa spiċċat vjolenti. Dak iż-żmien Abela kien impjegat fil-bank.
Imma ejja nagħtu ħarsa lejn l-implikazzjonijiet politiċi fuq Abela, u fuq iż-żewġ partiti b'dak li nafu sa issa.
Kif dan il-każ huwa differenti minn oħrajn?
Il-każ tal-allegazzjonijiet fuq il-Ministru Carmelo Abela huma kemmxejn differenti minn oħrajn li kien hemm fuq diversi Ministri jew persuni fil-Gvern Laburista, l-aktar immexxi minn Muscat, imma anke dak li huwa mmexxi minn Robert Abela. U kif?
Fil-każ tal-kumpaniji tal-Panama - l-akbar għerq ta' għawġ fil-Gvern Laburista ta' Joseph Muscat - l-eżistenza ta' dawn il-kumpaniji inkixfet mill-ICIJ, konsorzju ta' ġurnalisti investigattivi li prattikament kixfu dawn l-istrutturi finanzjarji fil-Panama, li kienet fetħet il-kumpanija Mossack Fonseca.
Minn hemmhekk imbagħad saru diversi akkużi, ħarġet ħafna informazzjoni - ftit minnha, sal-lum mhux issostanzjata, bħal li kienu se jgħaddu miljuni minn 17 Black għal kumpaniji ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi (għax dawk il-flus qatt ma għaddew) u informazzjoni oħra li hija fatt - bħal li 17 Black kienet kumpanija fid-Dubaj, kienet ta' Yorgen Fenech, li fiha kien hemm madwar $1.6 miljun u li kienet parti mill-pjan ta' negozju ta' Keith Schembri.
Jekk inħarsu lejn il-VGH imbagħad - il-fatti miġjubin 'il quddiem mill-midja, l-Oppożizzjoni, l-Awditur Ġenerali u anke mill-Gvern innifsu huma inneggabbli. Li l-VGH ma kellha ebda esperjenza, li wiċċ il-VGH f'Malta (Ram Tumuluri) kien instab ħati li ffroda klijenti ta' lukanda li kien qed imexxi fil-Kanada u li ma sarx due diligence fuqu, li ingħataw eluf u eluf ta' flus u ma għamlu kważi xejn - lanqas ħallsu lill-ħaddiema tal-IT u l-kuntratturi - dawn huma fatti, mhux suppożizzjonijiet.
Jekk huwa flus minn senserija li suppost għaddiet għand Rosianne Cutajar, is-sors tal-akkużi huwa sid il-proprjetà in kwistjoni. Ma jfissirx li l-allegazzjoni hija minnha żgur, imma jfisser li hemm sors li xi ftit jew wisq jista' jkun kredibbli.
Is-sors ta' din l-allegazzjoni fuq Carmelo Abela huma tnejn minn nies akkużati bl-assassinju ta' ġurnalista fl-2017 - l-aktar reat jaħraq u politikament dannuż għal Malta fi snin twal. B'każ kontrihom li jidher b'saħħtu u biċ-ċans ta' snin twal ħafna ta' priġunerija jidher li kif jingħad bl-Ingliż 'The stakes are very high' għalihom.
Dan ma jfissrix li dak li qed jgħidu żgur mhuwiex minnu, iżda naturalment is-sodezza tas-sors huwa ħafna aktar dgħajjef u jqajjem ħafna aktar mistoqsijiet u allura jittieħed b'ħafna aktar kawtela milli kieku intqal minn ġurnalist investigattiv jew minn xi entità bħall-Awditur/Ombudsman.
Għalhekk il-gazzetta ILLUM ħarset lejn tliet xenarji. L-ewwel xenarju huwa dak li fih jirriżulta li dak li qed jallegaw l-aħwa Degiorgio huwa minnu, it-tieni li ma jirriżulta xejn minn dan u finalment li l-kwistjoni kollha tibqa' f'limbu ta' akkużi u allegazzjonijiet li ma jkunux jistgħu jiġu ppruvati, f'kelma oħra: Il-kelma ta' Abela kontra tad-Degiorgijiet.
Jirriżulta minnu, bi provi kkoraborati
L-ewwel xenarju huwa dak li fih jirriżulta permezz ta' xhieda u provi kkoraborati minn xhieda kredibbli (per eżempju ħaddiem jew eks ħaddiem tal-bank), li huwa minnu li l-Ministru Abela huwa involut b'xi mod f'din is-serqa, li l-pulizija dejjem sostnew illi ġrat bl-għajnuna ta' xi ħadd minn ġewwa. Jekk jirriżulta hekk, tkun daqqa enormi għall-Partit Laburista, għall-karriera politika ta' Carmelo Abela u anke tal-Prim Ministru. Kif?
Żgur li tkun daqqa kbira għaliex l-akkuża hija waħda gravi ħafna. Li politiku li huwa Ministru jirriżulta li jkun imdaħħal f'hold up tal-post tax-xogħol tiegħu, tista' biss titqies bħala gravità u tradiment tal-fiduċja li wera' l-istess post tax-xogħol, li wrew il-votanti ta' Carmelo Abela u li wera' l-poplu u l-Gvern fih bħala Ministru.
Dan żgur ikun tmiem inglorjuż għall-karriera politika ta' Abela.
Pero' xi ħaġa bħal din tagħti impressjoni illi fil-PL "kulħadd imċappas" għaliex Abela huwa probabbilment l-inqas persuna li wieħed jimmaġina illi jista' qatt ikun imdaħħal f'hold up. Hija perċezzjoni mibnija fuq l-immaġini tiegħu, il-kalma u s-sens ġenerali ta' bilanċ u moderazzjoni li jagħti l-istess Abela. Allura kieku jkun minnu, l-idea u l-perċezzjoni li l-Gvern Laburista huwa "mimli nies dubjużi/kriminali" tissaħħaħ sew! U naturalment l-Oppożizzjoni Nazzjonalista mhux se toqgħod lura milli tuża dan għal vantaġġ tagħha!
U dan ikun daqqa għal Robert Abela. Pero' mhux dan biss! Il-Prim Ministru, jew għax jaf xi ħaġa li għadna ma nafux jew għax iddeċieda li jaqbeż għan-nies fil-kabinett tiegħu jiġri x'jiġri (bħal Muscat b'Keith u Konrad) qed jibqa' jorbot dan kollu ma' konfoffa bejn kriminali u esponenti tal-PN. Dan ifisser li kważi qed jgħid l-istess kliem tal-Ministru u allura effettivament qed jaqbeż għalih.
Dan ifisser li bħal Muscat qablu huwa qed jintrabat ma' Abela u l-fortuni tiegħu u jekk jirriżulta dan ix-xenarju jkun ifisser li Abela żammu fil-kariga minkejja li hemm xi forma ta' provi dannużi kontrih. Anke jekk ikeċċieh dak il-ħin, xorta jibqa' fatt li l-perċezzjoni hija li qabeż għalih.
Pero' aktar minn hekk f'dan ix-xenarju, Robert Abela jiftaħ lilu nnifsu beraħ għall-kritika li hu u l-Kabinett tiegħu ma tax il-maħfra Presidenzjali lill-aħwa Degiorgio propju għaliex huma kienu se jikxfu lil Carmelo Abela.
Din tkun sitwazzjoni tossika għall-Partit Laburista u l-effetti jafu jkunu detrimentali sew, jekk Abela ma jinqatax minn kull rabta mill-Gvern u l-Partit Laburista u ma jittiħdux passi oltrè.
Mill-esperjenza politika li kellna sa issa tal-Prim Ministru Abela, bi tneħħijiet u tkeċċijiet u tibdiliet f'diversi livelli, jidher improbabbli li huwa t-tip ta' politiku li jorbot il-fortuni tiegħu ma' bastiment li jista' jkun jegħreq. Jiġifieri jew huwa ċert li Carmelo Abela huwa innoċenti, jew ċert li ma hemm ebda prova kontrih jew inkella adotta strateġija li jaf - bħal bużżieqa - tinfaqa' f'wiċċu!
Jirriżulta li l-allegazzjoni huma bla bażi jew mhux veri
Minn naħa l-oħra jekk jirriżulta li dawn l-allegazzjonijiet huma bla bażi - jiġifieri li ma hemm ebda provi biex jiġu sostnuti - u sa issa ma ġew ippreżentati ebda provi - id-daqqa jeħodha l-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech u d-Deputat Jason Azzopardi. Kif?
Il-PN, anke jekk ma xtaqx li jidher hekk, qed jagħmel xi ftit jew wisq tiegħu dawn l-allegazzjonijiet. Dan għaliex dakinhar stess li l-aħwa Degiorgio kitbu ittra lill-Kummissarju Ewropew Didier Reynders - li fiha qed jagħmlu l-istess akkużi b'rabta mat-talba għall-maħfra Presidenzjali (li l-Gvern ma tahomx) għamel konferenza li fiha intalbet it-tkeċċija ta' Carmelo Abela - ibbażata propju fuq dak li qed jgħidu dawn iż-żewġ akkużati. Din il-konferenza indirettament tat element ta' piż u kredibilità lill-akkużi ta' George u Alfred Degriogio, daqslikieku s-sors tal-akkużi huwa ugwali għal rapport f'artiklu investigattiv miktub minn ġurnalisti investigattivi - li mhux!
Il-PN jeħtieġ joqgħod attent li ma jispiċċax pupu fin-nofs bejn interessi partikolari ħafna. Bernard Grech ma jistax jidher li qed jitratta dawn l-allegazzjonijiet daqslikieku ġejjin mill-ICIJ, mid-Daphne Project jew inkella li ġejjin mill-midja indipendenti lokali jew internazzjonali - bħal ma
F'xenarju fejn jirriżulta li dawn l-allegazzjonijiet huma bla bażi jew saħansitra foloz, l-akkuża instantanja mill-Labour lejn il-Kap tal-PN tkun li hu ried li Ministru jirriżenja fuq gidba ta' persuni assoċjati mal-kriminalità u akkużati b'reati mill-aktar gravi - xejn inqas milli qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Jekk wieħed jinnota n-narrattiva jirrealizza kif dik tal-Gvern diġà hija fuq din il-linja, jiġifieri li esponenti tal-PN jinsabu f'konfoffa mal-kiriminali "biex (Id-Degorgijiet) jixtru l-maħfra."
Dan ikun diżastru għall-PN għax jpinġi lill-partit daqsilkieku huwa ddisprat għall-poter, tant li lest jemmen persuni assoċjati mal-kriminalità basta "jweġġa" persuna fil-Gvern.
Ipoġġi wkoll lid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi f'qagħda antipatka ħafna, hekk kif l-implikazzjonijiet tiegħu fil-konfront ta' Abela kienu ċari. Anke jekk legalment hemm dubji, ladarba huwa qatt ma akkuża lill-Ministru Abela b'mod dirett, politikament il-perċezzjoni hija li hu għamel dawn l-akkużi u allura bbaża kliemu fuq dan is-sors biss.
Limbu
L-aħħar xenarju huwa wieħed li huwa limbu. Jiġifieri la l-allegazzjonijiet ikunu sostanzjati, pero' lanqas ikunu jistgħu jiġu kompletament miċħudin.
Per eżempju, l-aħwa jagħtu ċerti dettalji u partikolaritajiet li jagħtu l-impressjoni illi għandhom każ sod u li jafu sew xinhuma jgħidu, pero' li dawk id-dettalji huwa diffiċli li tippruvahom issa, 11-il sena wara li seħħet din is-serqa.
Din tibqa' sitwazzjoni ta' akkużi bla waqfien u kulħadd jemmen dak li jaqbillu jew skont x'jaqbel lill-partit li miegħu jżomm.
Fir-realtà din is-sitwazzjoni mhix waħda sostenibbli wisq għal Carmelo Abela fuq bażi personali u politika, għax se jibqa' għal tul ta' żmien taħt sħaba sewda ta' dubji u mistoqsijiet serji. L-arloġġ fil-fatt diġà beda għaddej u huwa fl-interess ta' Abela li jekk huwa innoċenti u li l-allegazzjonijiet huma bla bażi, dan jirriżulta malajr kemm jista' jkun.
Imma xorta tibqa' probabbilità li l-istatus quo f'dan il-każ tagħti vantaġġ żgħir lill-Partit Laburista, primarjament minħabba s-sors tal-allegazzjonijiet. Dan il-fatt jibqa' jħasseb u jżomm lil bosta kawti (anke fil-PN) qabel jiddeċiedu jew jippronunzjaw ruħhom. U bil-PL jistrateġiżża diġà din il-kwistjoni bħala l-verità versus il-kriminali, iktar u iktar dak li jkun jibqa' lura milli jesprimi ruħu. Il-ħsara politika tkun saret, imma mhux daqs il-ħsara kbira potenzjali jekk jirriżulta li l-allegazzjonijiet huma minnhom.
F'wiċċ min se tinfaqa' l-bużżieqa? Iż-żmien li ġej forsi jagħtina indikazzjoni.