Intervista | ‘Għandna ċans nagħmlu suċċess fid-dinja tad-DJs ... minflok qed nagħtuhom bis-sieq’
Il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ mad-DJ internazzjonali Tenishia u titkellem miegħu dwar is-suċċessi, il-pjanijiet għall-futur u s-settur tad-divertiment fi żmien il-pandemija
minn Yendrick Cioffi
Tenishia. Ma hemm bżonn l-ebda introduzzjoni. Magħruf lokalment iżda aktar internazzjonalment. Fl-aħħar jiem beda kampanja bil-għan li s-settur tad-divertiment, partikolarment in-nightclubs, jingħataw pjan, anke jekk gradwali, ta’ meta u kif se jkunu jistgħu jibdew joperaw. Din il-ġimgħa, il-gazzetta ILLUM żaret l-istudios ta’ Joven Grech.
L-ILLUM tibda tistaqsi lil Grech dwar l-irwol tad-DJ. Ħafna jaħsbu li xogħol id-DJ huwa li jaqbad laptop, imur fi club u jdoqq mil-lista li jkun ipprepara. Dan minnu?
“Għidt dnub kbir! Id-DJs ta’ vera ma jdoqqux bil-laptop. Il-kontra ta’ kif jaħdem kulħadd, DJ mhux se jidħol fuq l-Internet, iniżżel il-mużika (xi drabi b’mod illegali) u jmur idoqq,” beda jwieġeb Grech.
Insista li jekk irid jagħmel isem internazzjonalment, DJ irid jipproduċi l-mużika tiegħu u din mhijiex xi ħaġa li se jagħmilha kulħadd. “Jiena ħadt aktar minn għaxar snin biex għamilt l-ewwel diska tiegħi,” spjega. “Dan huwa l-ewwel pass importanti. Toħroġ id-diski, tagħtihom il-labels barranin, idoqquhom DJs oħrajn u tibda tagħmel isem.”
Imbagħad pass wara pass, sakemm jibdew il-gigs barra minn Malta u minn hemm jibda s-safar.
‘Għamilt 13-il sena nsiefer imma kelli nieħu pawża għax għajjejt’
“Prattikament l-ivjaġġar ibiddel ħajtek. Jiena għamilt 13-il sena nsiefer u issa kelli nieħu pawża għax tgħejja. Tant għajjejt li bdiet taqbadni anke l-ansjetà. In-nies jaraw il-parties u d-divertiment, imma fil-verità, 40 siegħa ajruplan fil-ġimgħa mhux faċli,” kompla jisħaq.
Apparti minn hekk, kompla jispjega Grech, matul il-ġimgħa, DJ irid iżomm ruħu aġġornat mal-mużika li joħroġ. Fakkar li biex DJ jagħmel isem, irid ikollu l-ħoss jew l-istil partikolari tiegħu.
“Trid tagħmel xows fuq ir-radju, trid tkun attiv fuq il-midja soċjali, laqgħat ma’ stabbililmenti u sponsors u tippjana. Huwa xogħol vast. Biex tkun kreattiv trid dejjem toħroġ b’xi ħaġa ġdida. Meta ridt nieqaf mis-safar, ħriġt bl-idea tal-live streaming. Trid tkun innovattiv. Il-midja soċjali dejjem qed tikber u trid iżżomm ruħek aġġornat,” kompla jgħid Tenishia.
‘DJ tajjeb jibni l-burdata u l-atmosfera ta’ club’
Imma minn dan kollu, tenna li l-produzzjoni tal-mużika tibqa’ l-aktar ħaġa importanti anke jekk mhux faċli. Hu stess spjega kif ġieli jagħmel ġimgħa jaħdem fuq diska u jispiċċa jarmiha għax ma jħossux komdu.
“Trid taħdem. Kulħadd jista’ jdoqq il-mużika iżda mhux kulħadd jista’ jkun DJ. Is-siegħa ta’ party hija l-irċevuta ta’ dak li tagħmel id-dar. Imma anke f’dik is-siegħa, mhux kemm tagħmel il-mixing. Trid tkun kapaċi taqra lill-udjenza. Trid iżżomm kuntatt magħha. Irid ikollok preżenza,” saħaq Grech.
Komplejna nitkellmu aktar fid-dettall dwar dan. Joven Grech spjega li club li jkun jaf x’qed jagħmel mhux se jitfa’ DJ “li jaqbad isabbat” fl-10pm, għax ħadd ma jasal fi club u jmur mill-ewwel jiżfen. L-atmosfera tinbena.
“Għandek mod kif tibni l-atmosfera tal-club. Jiena ffissat fuqha din. Inkun irrid lil kulħadd fuq livell wieħed. Dak huwa DJ. Ngħid ħa nitfa’ waħda vocal biex niġbed ftit lin-nisa għad-dancefloor, imbagħad inżid ftit il-pass. Qisek qed tibni. Pass wara pass,” spjega Tenishia. “Ħafna nies jiġġudikaw DJ fuq il-mużika li jdoqq. Se tmur fejn idoqq diski l-aktar li jogħġbuk. Imma DJ tajjeb se jdoqq dawk is-siltiet tiegħu, li l-udjenza ma tafhomx, imma li trid tisma’. Tajthom diska ġdida u daħħaltha tant tajjeb li għoġbithom. Dak huwa xogħol id-DJ.”
‘Jiena ssaggrifikajt ħajti kollha...’
L-ILLUM staqsietu x’jaħseb li kien is-sigriet wara s-suċċess ta’ Tenishia. “Ma hemmx triq waħda għas-suċċess,” wieġen. Insista li t-talent importanti, imma daqstant ieħor ir-rieda. Fi kliemu jekk persuna jkollha t-talent imma ma jkollix biżżejjed rieda, mhux se tkampa.
“Jiena naf nies li għandhom talent kbir. Mużikament aħjar minni. Imma mbagħad ma għandhomx ir-rieda. Irid ikollok id-determinazzjoni. Jiena ssaggrifikajt ħajti kollha, inkluż il-familja u t-tfal biex wasalt fejn wasalt,” saħaq Grech. “Kuntent għax dak kollu li xtaqt nagħmel għamiltu. Daqqejt Tomorrowland, Ministry of Sound, ħdimt mal-aqwa DJs tad-dinja. Jiena ambizjuż. Dejjem ikollok xi ħaġa f’moħħok li tkun trid tagħmel u dik iżżommok għaddej.”
‘Minn Alfie Fabri li daqqli l-ewwel diska għal van Buuren ... it-tnejn importanti għalija’
Għandu esperjenza waħda partikolari li ma jinsa qatt? Wieġeb li kull pass li persuna tagħmel fil-karriera tagħha huwa importanti għax twassal għal pass ta’ wara.
“L-ewwel darba li daqqejt fuq stazzjon tar-radju huwa importanti daqs meta daqqejt Tomorrowland. Kieku ma bdejtx mir-radju ma kontx nasal Tomorrowland. Minn Alfie Fabri li daqli l-ewwel diska tiegħi għal Armin van Buuren, għalija għandhom l-istess importanza. Il-Malta Music Awards mhuma xejn ħdejn l-IDMA Miami, imma fi żmienhom għalija kienu importanti,” insista. “Hawn fejn ħafna jiżbaljaw. Jekk tmur għal frotta qabel titgħallem titla’ mas-siġra, se taqa’.”
Mistoqsi x’inhu l-akbar sodisfazzjon għalih, Joven Grech insista li wara s-suċċess ta’ Tenishia, it-tifsira tad-DJ f’Malta nbidlet. “Qabilna, għal ħafna mid-DJs stabbiliti, il-mira tagħhom kienet li jdoqqu fil-clubs u jorganizzaw attivitajiet tagħhom. Wara s-suċċess ta’ Tenishia kulħadd beda jara li hemm potenzjal barra minn Malta.”
‘Tenishia hija l-prova li Malta tista’ tirnexxi fil-mużika’
Saħaq li f’Malta hawn il-mentalità li l-barranin huma f’kollox aħjar mill-Maltin.
“Meta kont ngħid lin-nies biex jivvutawlna għax nistgħu nkunu mal-aqwa 100 fid-dinja, kien hemm min qalli li qed nara kbir. Kont naf x’qed ngħid. Kont qed insiefer ma’ DJs oħra barranin u ndunajt li aħna ma kellna xejn inqas minnhom,” kompla jisħaq Grech.
Fi kliemu, kemm hu u anke Cyprian Cassar (li kien waqaf minn Tenishia) huma l-prova li minn Malta tista’ tirnexxi. “Aħna parti mid-dinja. Jgħidulek żomm saqajk mal-art. Vera trid tkun umli. Imma jekk tista’ ttir, tir,” insista.
‘Nerġa’ nsiefer imma mhux se nerġa’ nitlaq lil Malta’
Fl-aħħar xhur, bħal ħafna, Grech ma setax jagħmel wisq minħabba l-pandemija. Xi pjanijiet għandu għall-futur?
Fl-2019, Joven iddeċieda li jwaqqaf is-safar anke minħabba l-ansjetà li beda jbati minnha, sforz kemm kien qed idum fuq ajruplani u f’ajruporti. “Onestament, iċ-Ċina ġennewni. Tagħmel 20 siegħa fuq ajruplan u kif tasal issib nies entużjasti, kameras, ritratti, nies jiġru warajk. Ma jkollokx enerġija daqshom. Tkun għajjien u tipprova taħbiha. Għalhekk iddeċidejt li nieħu ftit pawża. Il-verità hi li għajjejt ħafna. ” spjega.
Kien għalhekk, li biex xorta jżomm kuntatt mas-segwaċi tiegħu, ħareġ bl-idea tal-broadcasting. Fil-fatt, dik kienet l-idea wara Chasing Sunsets, apparti li kien qed jippromwovi lil Malta. Għall-2020 kellu kollox ippjanat, inkluż l-attivitajiet u l-isponsors iżda kważi kollox tar mar-riħ.
“Għalkemm nerġa’ nsiefer u diġà għandi talbiet għall-Awstralja, Amsterdam u ċ-Ċina, mhux se nerġa’ ngħix il-ħajja li kont qed ngħix qabel. Ġieli kelli ‘l fuq minn 54 show fis-sena. Kważi wieħed fil-ġimgħa, jekk mhux aktar,” kompla jispjega Tenishia.
Kien hawn li saħaq li s-suq tiegħu huwa aktar l-Asja, l-Amerika jew l-Amerika t’Isfel. “Fl-Ewropa tmur, imma jekk fl-Ewropa jħallsuk €2,000 għal show, iċ-Ċina tħallset xi €15,000,’ insista.
Minkejja li barra se jaqla’ aktar, issa Gresh ma jixtiqx jinqata minn Malta. Li ġralu, kompla jispjega, huwa li f’Malta, anke jekk hawn DJs ta’ talent, ħafna ma jqisuhx bħala x-xogħol primarju tagħhom.
“Bħali ftit hawn, bħal Carl Bee u Ruby. Dan huwa l-għajxien tagħna u allura moħħna jaħseb biss fuq hekk. Konnha qed nindunaw li meta tagħmel attività f’Malta, wara xhur ta’ ppjanar, tmur id-dar b’xejn. Għalkemm qatt ma xtaqt nitlaq Malta, kien pass naturali,” insista.
Reality tv show?
Madanakollu, insista li issa jixtieq ikompli jaħdem fuq Malta wkoll u mistenni jkabbar u jkompli wkoll biċ-Chasing Sunsets. Spjega kif is-sena l-oħra biss, dawn laħqu 10 miljun ruħ u dan huwa riklam tajjeb għal Malta wkoll.
“Dak huwa l-proġett ewlieni tiegħi,” saħaq. Żvela li hemm ukoll programm tat-televiżjoni, li x-xogħol fuqu ilu għaddej ħames snin. Dan se jkun dokumentarju jew reality tv show fuq l-internet u forsi wkoll fuq xi stazzjonjiet Maltin. Irid iżid ukoll il-ħidma tiegħu mal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali hekk kif l-ewwel xogħlijiet niżlu tajjeb immens.
‘Apparti x-xogħol, tlifna r-rutina u l-istil tal-ħajja’
Tkellimna dwar Restart, kampanja li qed titlob pjan biex is-settur tad-divertiment, jingħata pjan ta’ kif jistgħu, b’mod gradwali jerġgħu jibdew joperaw. L-ILLUM tistaqsi lil Grech, lilhinn mill-flus, x’tilfu nies bħalu.
“Inti DJ 24 siegħa kuljum,” saħaq. “Apparti x-xogħol, tlifna r-rutina u l-istil tal-ħajja. L-attivitajiet huma l-motivazzjoni tagħna. Wieħed imur idoqq, jieħu dik il-motivazzjoni mingħand in-nies, imur id-dar u jsarraf il-motivazzjoni fl-istudio. Din totalment waqqfet f’daqqa. Filli għandek pjan u f’salt ħajtek waqqfet totalment.”
Insista li anke jekk ir-rota waqqfet iddur, għax id-dħul waqaf, DJs bħalu ma waqqfux jaħdmu, anke biex iżommu isimhom. “Kont kreattiv, nagħmel sets online, inżomm kuntatt mas-segwaċi u nipprova nippjana għal dak li ġej.”
Għalhekk beda l-kampanja Restart, għax saħaq li biex issir attività waħda, hemm ħafna pjanijiet li jridu jsiru qabel.
“Restart qed tappella lid-Dipartiment tas-Saħħa. Id-Dipartiment tas-Saħħa jifhem fuq is-saħħa u l-aħħar deċiżjoni għandha tkun is-saħħa. Mill-banda l-oħra, id-Dipartiment tas-Saħħa ma jafx kif trid timmaniġja attività jew ħajja ta’ artist. Għalhekk aħna qed nesiġu li artist jew DJ għandu bżonn pjan,” insista Grech.
‘Ħallejna l-ajruport miftuħ beraħ u weħħilna f’party’
Saħaq li kulħadd jaf x’kienu l-iżbalji tas-sena l-oħra. “Ħallejna l-ajruport miftuħ beraħ u weħħilna f’party. Aħna dejjem bqajna l-aħħar fil-kju,” kompla jinsisti. “Kienet xi ħaġa ġdida u kulħadd jieħu żball. Imma issa li tgħallimna, ilħaqna l-immunità tal-massa u qed naraw xaqq ta’ dawl, għandna bżonn pjan.”
Imma x’jiswa jkollok pjan, jiġi xi varjant u kollox jerġa’ jagħlaq? Grech saħaq li Malta gżira u jekk ikun hemm miżuri stretti fl-ajruport u l-portijiet, il-varjant mhux se jidħol. “Jekk jerġgħu jitilgħu n-numri, kollox se jerġa’ jagħlaq u ħafna negozji issa ma jifilħux għaliha.”
‘Fi club, l-ewwel prijorità hija s-saħħa u s-sigurtà’
L-ILLUM tistaqsi lil Tenishia dwar il-perċezzjoni li l-clubbing hija l-aktar ħaġa indixxiplinata u allura l-inqas li tista’ tiftaħ bħalissa. Grech saħaq li huwa minnu li hawn din il-perċezzjoni. “Jekk tmur f’għassa għall-permess, aħjar tgħidlu ħa nisparalek milli se nagħmel attività bid-DJ. Hawn stigma u trid titneħħa,” insista.
Insista li din l-istigma ġejja minn żmien id-disgħinijiet meta fil-clubs ma kienx hemm kontrolli. “Min kien imur club dak iż-żmien, illum għandhom mal-40 sena u għadhom jaħsbu li fil-clubs kulħadd jibla l-pirmli. Mhux qed ngħid li ma jkunx hemm drogi imma tittieħed kullimkien, anke f’tieġ,” kompla d-DJ.
Saħaq li hija ħasra, anke għax il-mużika elettronika hija l-aktar mużika popolari. “Id-DJs saru r-rockstars tal-mument. F’Malta ffissati fuq il-Eurovision u niffukaw kollox fuqu. L-aktar li għandna ċ-ċans li nagħmlu suċċess, fid-dinja tal-mużika, hija bis-saħħa tad-DJs u minflok qed nagħtuhom bis-sieq. Hawn talent kbir. Hawn DJs vera tajbin.”
Joven Grech insista li jekk wieħed imur il-monti tal-Ħadd filgħodu, se jara lil kulħadd jagħfas f’xulxin u ma tafx minn hemm. Fi club is-sitwazzjoni hija differenti. “Għandek bieb, taf min dieħel, għandek l-uffiċjali tas-sigurtà. Hemm kontrolli u regoli li ma huma imkien aktar, lanqas f’ristorant,” saħaq Grech. “Il-parties qed isiru minn żgħażagħ fil-vilel u l-għelieqi. Fi club, l-ewwel prijorità hija s-saħħa u s-sigurtà.”
‘Ksirna dritt fundamenatali tal-bniedem ... ma tistax tiddiskrimina artist minn ieħor’
Din il-ġimgħa, il-Ministru Chris Fearne qal li bis-saħħa taċ-ċertifikat tal-vaċċin jistgħu jsiru xi attivitajiet “limitati.” Kulħadd ħaseb li qed jirreferi għall-clubs iżda qatt ma semmihom. L-ILLUM tistaqsi lil Grech jekk għandhomx xi indikazzjoni.
“Sa issa ma hemm indikazzjoni ta’ xejn,” insista d-DJ. Hawn ġibed l-attenzjoni għall-fatt li sa dakinhar li saret l-intervista, id-DJs ma setgħux idoqqu mkien, lanqas f’lounge jew f’ristorant.
“Din ma naħfirha qatt. Hija illegali. Hemm il-libertà tal-espressjoni artistika. Ħadd ma jista’ jgħidlek kif għandek idoqq. Dik hija dritt fundamenatali tal-bniedem. Setgħu jgħidu ma hemmx żfin, iżda ma tistax tiddiskrimina artist minn ieħor.”
Fakkar li kemm ilhom wieqfa, la n-nightclubs u lanqas id-DJs ma ħadu kumpens bħalma ħa ħaddieħor, għajr għas-suppliment tal-paga li ħadu kulħadd. “In-nighclubs huma t-teatri tal-mużika tagħna.”
Kien hawn li Grech ilmenta li x-xogħol tad-DJs f’Malta mhuwiex stmat. “Jiena ilni niġġieled għaliha. Id-DJ f’Malta għandu taboo kbir fuqu u rridu nneħħuha. Hemm ħafna nies li jaħdmu b’passjoni.
X’appelli jgħaddi lill-awtoritajiet tas-saħħa?
“Tinjorawx lid-DJs lokali. Ibżgħu għalihom għax huma ċ-ċans li Malta tirnexxi fil-mużika. Ilna nippruvaw nirnexxu fil-mużika u sa issa ffukkajna biss fuq il-Eurovision u ma rnexxilnix. Dan settur li għandu bżonn l-attenzjoni,” appella Grech.
Saħaq li s-settur tad-divertiment “jista’ jgħin biex tonqos it-trasmissjoni tal-virus.” Saħaq li l-parties illegali se jkomplu jiżdiedu u huma jistgħu jiġbru dawn iż-żgħażagħ f’ambjenti professjonali kkontrollati.
Fl-aħħarnett appella liż-żewġ partiti politiċi biex iżommu mal-wiegħda li għamlu qabel l-Elezzjoni Ġenerali li jmiss, jiġifieri li Malta hemm bżonn tirrikonoxxi aktar lid-DJs u lill-artisti f’dan is-settur.