28 pazjent rilokati mill-Isptar Monte Karmeli għal Dar Casal Nuovo
Il-Kabinett japprova r-rilokazzjoni tas-swali akuti tal-kura tas-saħħa mentali
More in Politika
Il-Kabinett japprova r-rilokazzjoni tas-swali akuti tal-kura tas-saħħa mentali
Titkompla l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għas-Saħħa Mentali permezz tar-rilokazzjoni ta’ 28 pazjent—li għandhom diżabilità intelletwali jew Huntington’s Disease—mill-Isptar Monte Karmeli għall-faċilità ta’ Casal Nuovo f’Raħal Ġdid.
F’konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne sostna li f’din l-akkomodazzjoni l-pazjenti se jingħataw l-attenzjoni medika u psikoloġika li kienu jirċievu l-isptar, f’ambjent ġdid u komdu ta’ residenza.
“Din hija parti mill-pjan tal-Gvern biex jinħarġu l-pazjenti minn Monte Karmeli li m’għandhomx bżonn ikunu rekoverati hemm. Fl-aħħar tliet snin ġew rilokati mal-250 pazjent, jiġifieri nofs il-pazjenti tal-isptar, f’istituzzjonijiet oħra, f’sheltered accommodation jew fil-komunità”, qal id-Deputat Prim Ministru Fearne.
L-etajiet tal-pazjenti li bdew jgħixu f’ Casal Nuovo ivarjaw minn 25 sa 75 sena u wħud minn dawn il-pazjenti ilhom għexieren ta’ snin jgħixu f’Monte Karmeli, fin-nuqqas ta’ akkomodazzjoni alternattiva.
Id-Deputat Prim Ministru spjega kif apparti r-rilokazzjonijiet tal-pazjenti, għaddejja ħidma bla waqfien fuq il-pilastri l-oħra tal-Istrateġija Nazzjonali għas-Saħħa Mentali, fost oħrajn fit-tisħiħ u tisbiħ tal-infrastruttura tas-swali u l-ispazji miftuħa f’Monte Karmeli, iż-żieda tal-mediċini għal kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali fil-formularju tal-Gvern, iktar appoġġ fil-komunità lill-pażjenti li jkunu rkupraw minn episodji ta’ saħħa mentali, u iżjed riżorsi umani speċjalizzati f’dan is-settur.
Id-Deputat Prim Ministru ħabbar ukoll li l-Kabinett approva pjan sabiex sas-sena d-dieħla l-pazjenti li jkollhom bżonn kura akuta jiġu rilokati fi swali temporanji barra mill-Isptar Monte Karmeli u dan sakemm jinbena l-isptar tal-kura akuta tas-saħħa mentali fis-Swatar.
Iċ-Chairperson tas-Servizzi tas-Saħħa Mentali Anton Grech spjega kif inhu ta’ benefiċċju għall-pazjenti li jiġu rilokati f’ambjent ta’ dar fejn jingħataw kura terapewtika minflok jibqgħu f’ambjent ta’ sptar. Huwa rringrazzja lill-istaff ta’ Monte Karmeli li ħadu ħsieb lill-pazjenti li ġew rilokati f’Casal Nuovo sa issa. Dr Grech irringrazzja lill-Gvern tal-appoġġ u l-impenn li qed jintwera sabiex persuni li mhumiex indipendenti minħabba problemi ta’ saħħa mentali jingħataw kwalità ta’ ħajja aħjar.