€100 vawċers lit-turisti anzjani li jqattgħu aktar minn 15-il lejl f'Malta

Din l-iskema tħabbret dalgħodu u tgħodd għal dawk l-anzjani li se jżuru Malta bejn il-15 ta' Ottubru u d-19 ta' Diċembru

Bil-għan li jħeġġeġ aktar turisti anzjani jiġu Malta bejn Ottubru u Diċembru li ġej, il-Gvern se jkun qed jagħti vawċer ta' €100 lil dawn it-turisti.

Din l-iskema ta' €1 miljun tħabbret dalgħodu mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo u hija waħda minn seba' skemi mħabbra fl-aħħar ġimgħat bil-għan li Malta tattira turisti ġodda.

Minn din l-iskema se jkunu qed jibbenefikaw dawk l-anzjani li għandhom 'il fuq minn 65 sena u li jqattgħu f'Malta aktar minn 15-il lejl bejn il-15 ta' Ottubru u d-19 ta' Diċembru.

L-operaturi tal-ivjaġġar se jkunu qed jagħtu barcode lit-turisti malli dawn jagħmlu l-booking tagħhom biex imbagħad ikunu jistgħu jiġbru l-vawċers mill-uffiċċini għall-informazzjoni għat-turisti tal-MTA. Il-vawċers jistgħu jkunu użati f'dawk il-ħwienet li jaċċettaw il-vawċers tal-Gvern.

Il-Ministru Bartolo qal li t-tir ta' din l-iskema huwa li Malta tattira turisti mhux biss fis-sajf iżda anke wara u anke biex tolqot niċċa partikolari ta' turiżmu.

Insista li din l-iskema ta' €1miljun mistennija tħalli aktar minn €5 million fl-ekonomija. 

More in Politika