Muscat ingħata pakkett finanzjarju ta' €120,000 meta rriżenja minn Prim Ministru
Dan ifisser li Muscat ħa daqskemm Prim Ministru jieħu f'paga f'sentejn
More in Politika
Dan ifisser li Muscat ħa daqskemm Prim Ministru jieħu f'paga f'sentejn
L-eks Prim Ministru Joseph Muscat rċieva pakkett ta' €120,000 fi tmiem it-terminu tiegħu bħala Prim Ministru. Dan ifisser li Muscat ħa daqskemm Prim Ministru jieħu f'paga f'sentejn.
Skont The Shift News, Muscat irċieva pagament ta' €120,128.40 u dan apparti l-onorarja tiegħu bħala Membru Parlamentari li baqa' jirċievi sa Ottubru 2020, meta kien irriżenja minn Deputat.
Din l-għotja kienet tkopri l-perjodu li hu għamel bħala Kap tal-Oppożizzjoni u Prim Ministru, jiġifieri minn Ottubru 2008 sa Jannar 2020.
Dan il-pagament ingħata lil Muscat bħala parti mill-iskema li kienet introdotta fi żmien Gvern Nazzjonalista fl-2004. Il-Prim Ministru kollha, il-Ministru, is-Segretarji Parlamentari u l-Kapijiet tal-Oppożizzjoni huma intitolati għal dan il-benefiċċju meta jtemmu l-kariga tagħhom.
Il-metodu li bih ikun ikkalkulat dan il-benefiċċji kien ippreżentat fl-2008 f'dokument li kien tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, mill-Prim Ministru ta' dak iż-żmien, Lawrence Gonzi. Madanakollu ma sarx magħruf jekk dan il-metodu kienx aġġornat.
Id-dokument jispjega kif il-Prim Ministru huma intitolati li jirċievu benefiċċji (meta jtemmu l-kariga) li jkun ekwivalenti għal xahar paga għal kull sena li fiha jkunu baqgħu fil-kariga. Madanakollu hemm minimu stabbilit, li huwa ekwivalenti għal sitt xhur paga.
Fis-sena, Prim Ministru jaqla' €56,880, apparti allowances oħra li jammontaw għal €441.