Il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-miżuri li ħabbar il-Gvern biex b'mod gradwali jibdew isiru xi attivitajiet soċjali u kulturali, ma jagħmlu l-ebda sens finanzjarju għall-artisti u kull min hu nvolut fis-settur tad-divertiment.
Fi stqarrija, il-PN saħaq li flimkien mal-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-artisti, ilu jisħaq li dawn is-setturi għandhom jinfetħu b’mod u manjiera li filwaqt li jittieħdu l-miżuri kollha kontra l-COVID-19, dawn il-persuni jkunu jistgħu jibdew jiġġeneraw ftit dħul.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Karl Gouder saħaq li l-Partit Nazzjonalista jemmen li bin-numru ta nies vaċċinati dejjem qed jogħla, u b’kontroll sod ta’ kull min qed jidħol f’pajjiżna mill-portijiet tagħna, seta' jinstab bilanċ fin-numru ta’ nies li jattendu attivitajiet.
"Bilanċ bejn li nipproteġu s-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin iżda fl-istess ħin tgħin lill-Artisti jibdew iqumu fuq saqajhom bil-mod," insista Gouder.
Il-Partit Nazzjonalista temm jappella lill-gvern sabiex kemm jista jkun malajr jiltaqa’ mar-rappreżentanti ta’ dawn is-setturi u jilħaq fthehim raġonevoli sabiex kif ġara f’kull settur ieħor, anki dan is-settur ikun jista’ jibda jirkupra.
Aqra aktar dwar il-miżuri mħabbra lbieraħ: