Malta aċċettat li tilqa’ 97 immigrant, li ġew salvati minn vapur tal-merkanzija, wara battibekk mat-Tuneżija li dam għaddej diversi sigħat, skont rapporti fuq il-midja Torka.
Il-bastiment, operat minn kaptan Tork, ingħata struzzjonijiet biex isalva lill-immigranti meta d-dinghy li kienu fuqu kien qed jegħreq. Dak il-ħin, id-dinghy kien jinsab fiż-Żona tat-Tiftix u s-Salvataġġ Maltija.
Rapporti qed jikkwotaw lill-Kaptan Ümit Gürpınar jgħid li l-awtoritajiet Maltin infurmawh li kien hemm immigranti li kellhom bżonn l-għajnuna u li fosthom kien hemm anke nisa u tfal.
Jidher li wara s-salvataġġ, qam argument bejn Malta u t-Tuneżija dwar min kellu jieħu l-immigranti. Skont il-Kaptan, l-immigranti spiċċaw jipprotestaw u anke jheddu li kienu se jagħmlu ħsara lill-bastiment.
Il-kaptan qal lill-midja Torka li wara 12-il siegħa ta’ negozjati, Malta aċċettat li tilqa’ lill-immigranti, anke wara intervent mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Tuneżin.
Il-Gvern Malti ma ħareġ l-ebda stqarrija dwar is-salvataġġ ta’ dan l-immigranti. Lanqas il-Forzi Armati ma qalu xejn. Sa issa għadu mhux ċar jekk dawn l-immigranti, eventwalment, niżlux Malta.