Riklami dwar Għawdex se jidhru fuq trams f'Berlin u Frankfurt

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nieda l-kampanja promozzjonali internazzjonali għal Għawdex

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nieda l-kampanja promozzjonali internazzjonali għal Għawdex. 

Il-kampanja li qed tiġi implimentata tiffoka fost l-oħrajn fuq it-turisti minn pajjiżi Ewropej, bħall-Ġermanja, is-suq Skandinavu u pajjiżi oħrajn fiż-żona ċentrali u tal-Punent tal-Ewropa. 

Fil-fatt, il-Ministru spjega li trams f’Berlin u anke fi Frankfurt se jkunu jinkludi riklami ta’ VisitGozo, apparti kampanja fuq il-midja soċjali, it-televixin u anke postijiet frekwentati minn eluf ta’ nies

Il-Ministru Clint Camilleri qal li Għawdex ukoll ġibed l-għajn ta’ bosta siti oħra hekk kif għal sena oħra ngħata ranking għoli fil-Quality Coast Awards, tant li laħaq il-massimu tal-punti fil-kategorija Gold Destinations. 

Insista li s-settur turistiku huwa wieħed mill-aktar pilastri importanti fl-ekonomija Għawdxija u saħaq li biex dan jissaħħaħ saru bosta xogħlijiet infrastrutturali flimkien ma’ bosta investimenti u proġetti fosthom dak tal-Fast Ferry. 

“Filwaqt li rridu nkunu responsabbli fil-mod kif naġixxu, irridu nħarsu b’ottimiżmu ’l quddiem. Il-gvern wera biċ-ċar li mhu se jħalli lil ħadd waħdu speċjalment wara xhur ta’ sfidi kbar. Il-Ministeru għal Għawdex, proprju fl-aktar żmien diffiċli, wettaq l-aktar kampanja promozzjonali intensiva fuq livell internazzjonali għall-gżira Għawdxija. Il-mira tagħna tibqa’ li nixprunaw is-settur turistiku li jibqa’ waħda mill-aktar industriji importanti f’pajjiżna,” insista Camilleri. 

More in Politika