‘Kważi kważi qed jgħidulna taħdmux ... fetħu biex taparsi tawna xi ħaġa’
Howard Keith Debono jisħaq mal-gazzetta ILLUM li attività ta’ 100 ruħ mhijiex sostenibbli u li s-settur tagħhom qed jingħata ħtija li mhijiex tiegħu
minn Yendrick Cioffi
“Kważi kważi qed jgħidulna taħdmux. Fetħu biex attaparsi tawna xi ħaġa.” Hekk saħaq mal-gazzetta ILLUM il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Industrija tal-Arti u d-Divertiment (MEIA), Howard Keith Debono, irrabjat għall-fatt li l-industrija tal-arti u d-divertiment, fi kliemu, “qed tiġi ddiskriminata.”
Debono insista li l-industrija tal-arti u d-divertiment tiġbor fiha ‘il fuq minn 10,000 persuna li l-għajxien tagħhom jiddependi kompletament mill-attivitajiet li jorganizzaw, partikolarment fix-xhur tas-sajf.
“Il-qofol tax-xogħol tagħna huwa fis-sajf u qed nitilfuh,” insista Debono. “Kull ġurnata li tgħaddi qed nitfgħu s-sajf fit-tank taż-żibel. Diġà qegħdin tard ħafna.”
L-ILLUM imxiet ma’ Howard Keith Debono pass pass, fid-dawl tal-fatt li mill-5 ta’ Lulju se jkunu permessi attivitajiet limitati u kkontrollati sa massimu ta’ 100 ruħ bilqiegħda, kemm fuq ġewwa u anke fuq barra, bil-massimu jiżdied għal 150 persuna fid-19 ta’ Awwissu u 200 persuna mit-2 ta’ Awwissu. Kull persuna li tattendi għal dawn l-attivitajiet, inkluż l-artisti u t-tekniċi, irid ikollhom iċ-ċertifikat tal-vaċċin.
‘Aħna professjonali ... is-saħħa u s-sigurtà dejjem prijorità’
Debono fakkar li bħalissa 300 persuna jistgħu jattendu għal tieġ li jsir fuq barra u l-mistednin mhux qed jintalbu ċ-ċertifikat.
“Konnha qed nippretendu li almenu nibdew minn 300 ruħ bilqiegħda. Aħna professjonali! Aħna mhux qed norganizzaw attività tal-familja! Aħna l-prijorità tagħna dejjem tkun is-saħħa u s-sigurtà. Risk Assessment minn dejjem nagħmlu. Mhijiex xi ħaġa ġdida,” beda jisħaq.
Insista li l-limitu ta’ 100 persuna, poġġiet lill-industrija tal-arti u d-divertiment f’livell differenti minn industriji u setturi oħra.
‘Aħna ma rridux l-eluf ... aħna rridu pjan’
“Ma nistax nifhem lanqas għaliex ma jridux jagħtuna pjan għall-ftuħ. Aħna industrija tal-ippjanar. Għaliex qed iżommuna lura?” insista Howard Keith Debono waqt li saħaq li l-awtoritajiet ma jistgħux jibqgħu jirraġunaw “bil-kieku.”
Insista li jekk ifeġġ xi varjant perikoluż li jżid il-każi, ħadd mhu qed jippretendi li l-attivitajiet jikbru jew jibqgħu jsiru.
“Imma jekk nibqgħu hekk? Se nħallu lill-artisti wieqfa għalxejn? Għandna ċans nagħmlu Milied tajjeb għax minn issa rridu nibdew nippjanaw. Imma ma nistgħux. Fil-pajjiżi kollha ngħataw pjan! Aħna ilna xhur nitolbuh dan,” insista Howard Keith. “Mhux vera! Aħna ma rridux l-eluf. Aħna rridu pjan.”
‘In-numri telgħu mhux minħabba l-arti u d-divertiment’
Iżda l-gazzetta ILLUM tfakkru f’dak li ġara fir-Renju Unit. Qalulhom li kollox se jiftaħ fil-21 ta’ Ġunju iżda kollox se jkollu jibqa’ magħluq għalissa. “Mhux aktar agħar? Ippjanar għalxejn?”
Debono saħaq li hu jitkellem ma’ ħafna artisti u organizzaturi ta’ kunċerti fir-Renju Unit u l-argument li qed jagħmlu huwa totalment differenti. “In-numri ma telgħux minħabba fihom, imma minħabba setturi oħra. Anke f’Malta mhux is-settur tal-arti u d-divertiment wassal biex jiżdiedu l-każi,” insista.
Kien hawn li saħaq li ħadd ma għandu dritt jiddiskrimina kontra din l-industrija daqslikieku l-każi kienu tort tagħha.
“Anke s-sena l-oħra. Il-każi żdiedu mhux minħabba attività imma għax il-fruntieri kienu miftuħa mingħajr kotroll,” saħaq Debono. Insista li għalhekk qed jappellaw għal kontroll b’saħħtu mal-fruntieri, għax fi kliemu, jekk se jidħol varjant ġdid, se jasal minn barra mhux mill-attivitajiet.
‘Iweġġani l-fatt li s-settur tagħna qed jiġi ddiskriminat’
“Il-pandemija se tibqa’ magħna. Għandna sal-2022 żgur. Aħna fl-aħħar tal-lista qegħdin. Allura aħna se nibqgħu magħluqa? Irridu nippjanaw,” tenna Howard Keith. “Weġġatna kif is-settur tagħna qed jiġi ddiskriminat. Lanqas feedbak fuq il-proposti li għamilna aħna ma ngħatajna. L-MEIA għandha ‘l fuq minn 2,000 membru.”
Fakkar ukoll li l-industrija tal-arti u d-divertiment hija waħda mill-akbar kontributuri tal-ekonomija, aktar minn setturi oħra bħalma huwa l-kostruzzjoni. Insista li wieħed ma jridx iħares biss lejn il-kontribuzzjoni diretta ta’ 7.9%, imma anke l-effett fuq setturi u negozji oħra.
‘Attività ta’ 100 ruħ mhijiex sostenibbli’
Dħalna aktar fid-dettall dwar l-attivitajiet li jistgħu jiġu organizzati, b’Howard Keith jinsisti li attività ta’ 100 ruħ ma tistax issir.
“Ma hemm l-ebda loġika wara din id-deċiżjoni. Attività ta’ 100 ruħ mhijiex sostenibbli.” kompla Debono. “Sala li tesa 10,000 persuna, b’persuna għal kull erba’ metri kwadri, tista’ ddaħħal mal-2,500 ruħ imma ma tistax għax hemm massimu ta’ 100. Dan jagħmel sens?,” kompla jistaqsi.
Kien hawn li saħaq li bil-kontrolli mħabbra, l-awtoritajiet qed jgħidu lill-artisti biex ma jaħdmux.
Mistoqsi mill-gazzetta ILLUM kemm jiswa’ kunċert wieħed, Howard Keith qal li dan jiddependi mill-attività u tista’ tvarja minn €8,000 sa nofs miljun ewro. Insista li tiswa’ kemm tiswa’ għal 100 ruħ, attività mhijiex sostenibbli.
Kompla wkoll jgħid li l-awtoritajiet setgħu ħadu l-opportunità biex iħeġġu aktar nies jieħdu l-vaċċin, għax fi kliemu, dawk kontra l-vaċċin qed jiżdiedu mhux jonqsu.
“Jagħmel sens li għal attività ta’ 300 ruħ tista’ tmur bla vaċċin u għal kunċet ta’ 100 ruħ bilqiegħda trid vaċċin? X’inċentiv offrejna biex aktar nies jieħdu l-vaċċin,” saħaq.
‘Ipprova għamel żewġt isjuf ma taħdimx’
Hawn min qed jisħaq li l-artisti qed jagħmlu wisq għaġeb u mhux se jmutu bil-ġuħ. Kif wieġeb Debono?
“Ipprova għamel żewġt isjuf ma taħdimx. Jekk Avukat jagħmel sentejn ma jaħdimx tajjeb għalih? Supermarket jaċċetta li jagħmel sentejn magħluq u jaqla’ l-flus biss mix-xiri onlajn?.”
‘In-nies xebgħu għalhekk qed jiksru l-miżuri...’
Iżda saħaq li mhuwiex l-aspett finanzjarju biss li qed jinkwieta lill-industrija, imma anke l-benessri ta’ ‘l fuq minn 10,000 artist, li fi kliemu “tinsab fi kriżi.”
“Din mhijiex kwalità ta’ ħajja li qed ngħixu,” kompla jisħaq. Insista li ma hawnx żvog u għalhekk li qed ikun hawn nies li qed “jiġu jaqgħu u jqumu mill-miżuri għax xebgħu.”
“Aħna professjonisti fejn tidħol is-saħħa u s-sigurtà. Aħna mhux każin. Aħna f’kull attività li nagħmlu, inpoġġu l-ewwel u qabel kollox is-saħħa u s-sigurtà,” insista.
‘Dimostrazzjoni fl-interess nazzjonali’
Nhar il-Ħamis 24 ta’ Ġunju, fis-7:00pm, l-MEIA se torganizza dimostrazzjoni biex issemma’ leħinha dwar dan kollu.
“Se nagħmluha quddiem il-Palazz tal-President mhux quddiem Kastilja, għax qed nagħmlu dan fl-interess nazzjonali,” temm jgħid Debono.