Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, tħabbar li l-Kabinett, illum, b'konformità mal-parir tal-Avukat Ġenerali u tal-Kummissarju tal-Pulizija, iddeċieda li jagħti l-parir lill-President biex ma jilqax it-tieni talba għall-proklama li għamlu l-aħwa Alfred Degiorgio u George Degiorgio.
"Id-deċiżjoni tal-Kabinett mhux biss hija bbażata fuq il-parir tal-istituzzjonijiet relevanti, iżda hija meħuda wkoll fl-interess nazzjonali u fl-interess tar-retta amministrazzjoni tal-ġustizzja," saħqet l-istqarrija.
Anke din id-darba, il-Ministru Carmelo Abela rrikuża ruħu mid-deċiżjoni, minħabba li l-aħwa Degiorgio qed jimplikawh fl-attentat tas-serqa mill-HSBC, liema każ imur lura għall-2010.ħ
It-tieni talba, l-aħwa Degiorgio għamluha fis-26 ta' April li għadda. Fl-ittra, lill-President, l-aħwa kien saħqu li qed jagħmlu dan bil-għan li toħroġ il-verità kollha dwar il-każ tal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia u biex dawk kollha involuti jitressqu quddiem il-ġustizzja.
L-aħwa Degiorgio qed jisħqu li għandhom f’idhom informazzjoni li timplika eks Ministru bħala l-mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Qed jisħqu wkoll li għandhom informazzjoni rigward reati oħra u anke assassinju li għadhom mhux solvuti. Hawn qed jimplikaw eks Ministru u Ministru preżenti.
Fl-ittra lill-President, l-aħwa Degiorgio ma kienu semmew lil ħadd b'ismu, iżda f'ittra li kienu bagħtu lill-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja, kienu implikaw direttament lill-eks Ministru Chris Cardona fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u lill-Ministru Carmelo Abela “f’reati serji,” fosthom għas-sehem tiegħu f’attentat ta’ serqa armata.
Huma qed jisħqu li l-Kabinett ma jistax jiddeċiedi dwar it-talba tagħhom, għax fi kliemhom, "hemm kunflitt ta' interess."
Seħibhom, Vince Muscat, magħruf bħala "il-Koħħu," kien wieġeb ħati għall-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u ngħata 15-il sena ħabs wara patteġġjament. Huwa ngħata wkoll il-proklama biex jikxef dak li jaf dwar il-qtil tal-Avukat Carmel Chircop.