Analiżi | Ix-xogħol f’Malta; fejn ninsabu u fejn sejrin?

Joe Gravina janalizza il-qagħda tal-impjiegi f’Malta fid-dawl tal-fatt li sa Settembru 2021 trid titlesta l-Politika tal-Impjiegi ġdida għal Malta. Iżda dwar il-qagħda tal-impjiegi f’Malta, diġà nafu ħafna, kemm minn dak li jiġi osservat u anke mir-Rapport dwar Malta 2020 tal-Kummissjoni Ewropea. X’wera dan? Għaliex? X’se jsir biex jonqos il-prekarjat? Fejn jidħlu l-ħaddiema barranin?

It-18 ta’ Marzu li għadda, tul laqgħa għas-settur edukattiv dwar Politika tal-Impjiegi ġdida għal Malta, tħabbar li din trid titlesta sal-aħħar ta’ Settembru 2021. Għalkemm id-dokument 2020 Skills Forecast Malta (Cedefop) ġa antiċipa x-xenarju tal-impjiegi f’Malta għas-snin li ġejjin, din il-Politika tagħti titwila usa’ mill-ħiliet. 

Dwar il-qagħda tal-impjiegi bħalissa, ir-Rapport dwar Malta 2020 tal-Kummissjoni Ewropea juri Malta kellha fost l-akbar persentaġġi ta’ ħolqien tax-xogħol - wara Ċipru, Litwanja, Bulgarija u Kroazja - bejn l-2018 u l-2019 qabel il-pandemija. Iżda, fl-istess żmien kellha, 

(i)    l-ogħla disparità bejn is-sessi fl-impjiegi fl-UE; 

(ii)    rata għolja ta’ dawk b’livell baxx ta’ ħiliet; 

(iii)    50.2% biss attivi fl-età bejn 55 u 64 (medja UE, 58.7 %).

Għala Politika nazzjonali?

Għalkemm l-Unjoni Ewropea għandha l-Politika tal-Impjiegi tagħha, l-istati membri joħolqu tagħhom u b’hekk jiżguraw awtonomija. Din tippermetti lir-rapprezentanti tal-imsieħba soċjali jsejħu għall-għaqda nazzjonali u jibnu konverġenza ta’ interessi bejn sidien, management u impjegati fuq il-post tax-xogħol. Bħal fil-loġika tal-kuntratt tax-xogħol, kollha jitqiesu daqs li kieku l-istess. Saħansitra mexxejja tal-unjins ifittxu xogħol għall-employers u jitkellmu dwar konverġenza ta’ interessi. Imma tkun prammatiku u tiddjaloga ħaġa, konverġenza ta’ interess oħra. Il-konverġenza, jekk din l-aħjar triq, għandha tkun fit-tqassim tal-ġid. Aħjar jekk dil-politika tal-impjiegi turi min se jagmel l-akbar sagrifiċċji.

It-tema

Sabiex tiskopri min iġorr l-akbar piż, trid tara l-kundizzjonijiet, fost oħrajn, li m’hawnx bizzejjed,

  • ħaddiema (filwaqt li nħallu migranti, ħafna minnhom ifittxu xogħol, għal rashom fl-ibħra tagħna), kif ukoll xjuħ attivi, u twelid sostennibli; 
  • ħiliet meħtieġa (anki b’ċentri ta’ taħrig b’investimenti kbar);
  • infrastruttura adekwata. 

Is-soluzzjonijiet kienu, kif wieħed jistenna meta jkun jaf dawk li ħarġu bihom, funzjonali:

  • il-care centres b’xejn li jeħilsu lill-ommijiet mit-tfal, u lin-nanniet min-neputijiet, ħalli t-tnejn joħorġu jaħdmu; 
  • aktar taħrig vokazzjonali u hands on fl-iskejjel li jżid l-offerta f’kurrikulu ġa mimli daqs bajda;
  • jiżdied il-budget tal-iMcast. 

Meta (i), (ii) u (iii) ma kenux biżżejjed, JobsPlus ġab aktar barranin biex isostnu żvilupp bla rażan. Hawnhekk, in-nuqqas ta’ konverġenza ħareġ bejn l-ekonomija li ssostni l-impjiegi u, fost oħrajn, il-kuntest soċjali u l-impatt fuq r-riżorsi limitati tal-pajjiż. Il-vittmi tas-sagrifiċċju ħarġu aktar biċ-ċar. Bil-barrani, il-JobsPlus irnexxielu jżomm il-pagi baxxi, jitma’ l-kostruzzjoni, ristorazzjoni u manifattura lokali, u, mid-dħul fuqu, iżomm il-welfare – inklużi saħħa u pensjonijiet – mill-kollass.

L-impjegat u d-diversità

Għall-Politika tal-Impjiegi, il-pern jibqa’ il-ħaddiem. Dan iġorr il-piż. Għalhekk paradossali kif jista’ jitqies piż. Fl-istatistika, jintuża t-terminu ‘unit of labour cost’, jiġifieri il-ħaddiem piż fuq min iħaddem. Id-diskors ta’ kapital uman u ta’ riżorsi umani jsostnu dan. Meta dan il-ħsieb isir sens komun, faċli tħawwad l-interess nazzjonali mal-isfruttament tar-riżorsi umani, fejn jitnaqqas il-piż ta’ ħlas għax-xogħol. Dan joħroġ ċar meta tiffoka fuq setturi soċjali, fosthom id-diżabbli, in-nisa, il-barranin, eċċ. Fil-qosor ...

  • In-nisa

Nibdew bin-nisa Maltin. Il-Politika tal-Impjiegi, wieħed jistenna, tħeġġiġhom ikomplu bl-istudju u bl-impjieg barra djarhom; dak li jagħmlu mat-tfal u x-xjuħ qraba mhux impjieg. Forsi jingħataw inċentivi oħra barra arranġamenti għat-taxxa fuq id-dħul, u żieda fi żmien tal-maternità u l-adozzjoni. Il-part timers, kemm jaqilgħu, ma jiġix ittestjat. L-esperimenti bl-inċentivi ma rnexxewx ma’ kulħadd: bejn il-15 u l-64 sena, 64% biss min-nisa kontra 85% mill-irġiel huma attivi, l-akbar distakk fl-UE. Hemm raġuni(jiet): il-part-time (fl-2018, 6.5% tal-irġiel, 23.0% tan-nisa) jintrabat ma’ ħiliet medji u baxxi u fuq kollox aktar sfruttament. Niftakru li d-dħul jaffettwa kif tintegra fis-socjetà u l-istatus socjali. Fl-aħħar tal-mazzita ssib 46% diskrepanza bejn l-irġiel u n-nisa fil-pensjoni.

  • Il-barrani

Il-kwistjoni tal-ħaddiema barranin mhijiex waħda omoġenea – fost kważi 70,000, hemm min jitħallas lanqas fost il-ħaddiema f’Malta. Suq tax-xogħol li jħaddem 62.2% b’livell baxx ta’ ħiliet (2018) jassorbihom mingħajr problemi; u mingħajrhom jeħel kollox. Jekk ‘suq ħieles’ jitqies effiċjenti, ta min jistaqsi l-effiċjenza msarrfa f’nuqqas  ta’ ħlas xieraq u drittijiet soċjali/politiċi, u f’barranin ibatu aktar riskju ta’ faqar mill-Maltin, lil min isservi? Sidien il-kera jirringrazzjaw li ħielsa jgħollu l-kera (u minn fuq jeħel il-ħaddiem barrani).

  • Diversità u Prekarjat 

Dawn is-setturi soċjali jbatu mix-xafra tal-prekarjat. Hawn jidħol il-kuntrattur sabiex jieħu ħsieb isinn ix-xafra u jżomm il-produttività għolja anki fil-prekarjetà. Saħansitra f’xogħol mal-gvern. Il-prekarjat ma jaqax mis-sema; jikber fl-għelieqi għammiela għalih. Għalhekk tajjeb jingħad x’miżuri tieħu l-Politika ġdida vis-à-vis dawn is-setturi. Aktar milli identitajiet soċjali, l-uniku kappell komuni għalihom hu s-settur soċjali, dak tal-ħaddiema bi prezz tajjeb għal min iħaddem. Se tħeġġeġ aktar flessibbilta` u kompetittivita` u tinjora l-prekarjat?

Taħriġ

Nuqqas ta’ ħiliet, eċċ, u żid magħhom Covid-19, jistgħu jfissru inkwiet għal min iħaddem. L-employers jemmnu li huma aktar kapaċi mill-gvern iħarrġu u jżommu l-impjegati tagħhom produttivi (adattabbli, f’saħħithom, kompetenti, eċċ.). Issa, biex il-ħaddiema jibqgħu impjegabbli u jkun ħaqqhom żieda fil-pagi, jintqal, jeħtieġ jissoktaw fit-taħriġ għal għomorhom. Jekk nemmnu fil-prinċipju tal-cost-and-returns tal-kapital uman, tant jitħarrgu li sakemm jixjieħu għandhom isiru miljunarji. Barra minn dan, x’se tagħmel bil-ħaddiem f’Malta li jitħarreġ biex jikkompeti ma’ dawk ġejjin minn barra, meta dawn lesti jaqilgħu anqas għax lura f’pajjizhom biżżejjed? 

Għalhekk il-politika tal-impjiegi għandha titqies suċċess jekk tgħin speċjalment il-ħaddiem prekarju fir-riskju tal-faqar, tiġġieled tkaxkir fuq il-paga minima, sfruttament waqt it-taħriġ, inċidenti serji u mwiet regolari fost l-impjegati fil-kostruzzjoni

Faċli titfagħha fuq l-impjegati. Il-ħaddiema barranin juru l-vantaġġ tal-flessibiltà għal min iħallashom ... u jkeċċihom mingħajr ksur ta’ liġi. il-ħaddiema Maltin mhux daqshekk faċli tkeċċihom għax m’għadux żmien l-emigrazzjoni. Ma dawn, min iħaddem ikollu jinqeda bi skemi ta’ reskilling u upskilling. Imma m’għandux jinħasad bin-nuqqas ta’ entużjażmu minn ħaddiema li sal-bieraħ tħallsu għal xogħol illum mhux apprezzat aktar. Nuqqas ta’ entużjażmu ieħor il-Politika tal-Impjiegi m’għandhiex tittraskura hu dak tal-employer ‘free rider’, dak li ma jħallasx għal taħriġ kontinwu tar-‘riżorsi umani’ li mingħajrhom ma jgħaddix.

Il-gaġġa tat-taħriġ ċertifikat 

It-taħriġ għandu jiġi kkumpensat. Sejjaħlu ċertifikat, award, kwalifika, (mikro) kredenzjali, eċċ. imma aħjar jintqal x’joffri u jekk, fost oħrajn, huwiex xogħol mhux imħallas. Kif issostni wara kollox l-Organiżazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), “l-individwi huma l-aktar impjegabbli meta jkollhom edukazzjoni u taħriġ wiesgħa” (2018). Edukazzjoni wiesgħa, anki tul il-ħajja, ma tistax tiggarantixxi li ssolvi l-problemi soċjali, is-servizzi tas-saħħa, twassal għal impjiegi aktar interessanti, eċċ., imma tirrispetta l-ħaddiem bħala persuna li ħajtu ma tibdix u tieqaf fil-post tax-xoghol. 

Il-vittmi tas-sagrifiċċju ħarġu aktar biċ-ċar. Bil-barrani, il-JobsPlus irnexxielu jżomm il-pagi baxxi, jitma’ l-kostruzzjoni, ristorazzjoni u manifattura lokali, u, mid-dħul fuqu, iżomm il-welfare – inklużi saħħa u pensjonijiet – mill-kollass

Wara kollox, il-‘persuna’ ġa apprezzata fix-xogħol anki jekk għal finijiet ta’ suq. L-aġendi ta’ taħriġ jirrikonoxxu ħiliet marbuta ma’ relazzjonijiet interpersonali (eż., imġieba mal-klijenti). Xi sidien jistennew lill-ħaddiema iħossuhom membri tal-familja fuq il-post tax-xogħol. L-apprezzament tal-persuna iwassal fatturi personali jiġu integrati bħala assets fis-CV. Ghalhekk paradossali kif, kontra dawn il-ħiliet ġeneriċi, employers lokali għadhom interessati aktar f’taħriġ f’ħiliet speċifiċi. Frott in-nuqqas fil-provvista ta’ ħiliet, pjanijiet short-term u l-biżgħa li jitilqulhom l-impjegati, it-taħriġ jintrabat ma’ prodott/servizz partikolari għall-bejgħ; investiment f’teknoloġija speċifika; eċċ. 

Għeluq

Il-politika tal-impjiegi se toffri ‘miti’ li jċaqilqu s-suq anki jekk mhux tant ġodda bħad-diġitaliżazzjoni, l-AI, is-sostennibbilità. Imma, lil hinn mill-miti, l-istima tal-impjiegi turi li għas-snin li ġejjin, imqabbla mal-bqija tal-UE, xorta se jkollna aktar xogħol ta’ rutina bhal fl-ICT u kaxxiera li t-teknoloġija li qed tiżviluppa se telimina. L-iSkills Forecast (Cedefop) dwar l-aġenda ġdida tal-ħiliet f’Malta, tipproġetta għall-ħames snin li ġejjin ħaddiema mingħajr [sic] jew bi ftit ħiliet; rata maħsuba li se tibqa’ akbar mill-medja tal-UE. 

F’dan l-artiklu l-interess kien wieħed ta’ ġustizzja jew in-nuqqas tagħha mal-impjegat bħal, per eżempju, meta wieħed jistaqsi għala min jaħdem mal-anzjani hu anqas apprezzat minn dak li jbigħ l-imħatri. Għalhekk il-politika tal-impjiegi għandha titqies suċċess jekk tgħin speċjalment il-ħaddiem prekarju fir-riskju tal-faqar, tiġġieled tkaxkir fuq il-paga minima, sfruttament waqt it-taħriġ, inċidenti serji u mwiet regolari fost l-impjegati fil-kostruzzjoni, eċċ., il-lista ta’ dawn li tul il-pandemija  ma kellhomx għażla jaħdmux barra jew le. Għalhekk irid jiġi stabilit jekk il-Politika ġdida se tħares biss lejn tqassim ta’ impjiegi fis-setturi u tinjora tqassim ta’ ġid maħluq mill-impjegati. Dwar dan hemm bżonn l-evidenza. Ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar Malta, imsemmi qabel, jikxef kif miżuri ġodda jibqgħu mhumiex evalwati bl-evidenza. Għalhekk f’din il-Politika, għandu jinħoloq mod kif tevalwa s-suċċess tal-proposti, u fost oħrajn, skont titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema bħal per eżempju, edukazzjoni u taħriġ wiesgħa bi dritt, anki waqt il-ħin tax-xogħol. Hawn tidħol il-liġi; il-politika ma tistax tibqa’ siekta.

More in Politika