Il-Kummissarju Ewropew Stella Kyriakides kitbet lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne biex tirringrazzjah għall-appoġġ li l-Kummissjoni Ewropea sabet mingħand Malta fil-programm tat-tilqim ta’ kontra l-COVID-19.
Fl-ittra, il-Kummissarju għas-Saħħa tenniet li l-Kummissjoni Ewropea ma kinitx se tkun f’pożizzjoni li ttellaq programm ta’ vaċċinazzjoni fuq skala Ewropea mingħajr l-appoġġ sħiħ tal-Istati Membri.
Hija għamlet referenza għall-fatt li Malta kienet waħda mill-iktar pajjiżi li wriet appoġġ qawwi għall-programm tal-akkwist konġunt tal-vaċċin, programm li wassal biex l-Istati Membri kellhom aċċess ugwali—u fl-istess ħin—għall-vaċċin.
Din l-ittra ntbagħtet b’risposta għall-ittra mibgħuta mid-Deputat Prim Ministru fejn ħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea tkun proattiva u tixtri l-konsenji neċessarji tal-vaċċin tal-Covid-19 li jaf ikollna bżonn fis-snin li ġejjin.
Il-Kummissarju Kyriakides saħqet li l-Unjoni ffirmat it-tielet kuntratt ma’ BioNTech-Pfizer li jikkommetti lil din il-kumpanija tipprovdi sa 1.8 biljun doża oħra li se jibdew jitqassmu fl-aħħar tas-sena.