'Għall-għemil korrott u l-iskandli tal-ftit se jħallas il-ħaddiem Malti' - UĦM
Il-UĦM tisħaq li d-deċiżjoni tal-FATF hija 'daqqa mortali għar-reputazzjoni tal-pajjiż' li setgħet ġiet evitata
More in Politika
Il-UĦM tisħaq li d-deċiżjoni tal-FATF hija 'daqqa mortali għar-reputazzjoni tal-pajjiż' li setgħet ġiet evitata
"L-aħbar li Malta tpoġġiet fil-lista l-griża mill-FATF hi daqqa mortali għar-reputazzjoni tal-pajjiż li setgħet ġiet evitata għax is-sħab iswed ilu jidher sa mill-2016." Hekk saħqet il-Unjin Ħaddiem Magħqudin - Voice of the Workes (UĦM) fl-ewwel reazzjoni tagħha wara li Malta spiċċat fuq il-lista l-griża tal-Financial Action Task Force (FATF).
Il-UĦM saħqet li kienet ilha twissi u tiftaħ għajnejn l-awtoritajiet iżda, fi kliemha, it-twissijiet tagħha, qatt ma ttieħdu bis-serjetà.
"Ir-reputazzjoni ta’ Malta ilha sejra lura b’sensiela ta’ skandli ta’ korruzzjoni u governanza ħażina fosthom il-ftehim dwar il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet ma’ Vitals, il-Panama Papers u l-ftehim tal-power station. Dan kollu beda jitfa’ dawl ikrah fuq pajjiżna, jipperikola l-investiment u ġab tbatija kbira fis-settur bankarju fejn l-aktar li qed ibatu huma l-klijenti li qed iħabbtu wiċċhom ma’ burokrazija qawwija minħabba li Malta m’għadhiex fdata. Sfortunatament, il-prezz tal-għemil korrott u tal-iskandli imwettqa minn ftit qed iħallsuh il-ħaddiema Maltin," saħqet il-UĦM.
Appellat ukoll biex il-ħidma ma tiqafx hawn, hawn saħqet li l-pajjiż jeħtieġ minnufih jaqbad isewwi r-reputazzjoni tiegħu lil hinn minn dak li jgħid il-FATF.
"Jekk naħsbu li l-kwistjoni se tissolva meta ma nibqgħux fuq il-lista, inkunu qed ngħattu x- xemx bl-għarbiel u nidħku bin nfusna," saħqet il-UĦM.
L-istqarrija qalet ukoll li l-Gvern irid jifhem li ma jistax joħroġ minnha waħdu imma għandu bżonn jaħdem flimkien mal-imsieħba soċjali, il-partiti politiċi u l-awtoritajiet regolatorji.
"Ir-reputazzjoni fil-qasam finanzjarju ma tinbeniex biss bil-liġijiet imma bis-serjetà li biha jkunu infurzati mill-awtoritajiet regolatorji. Biex dan isir trid issir ħidma biex ma jibqgħux jiġu imminati l-valuri tal-integrità, l-onestà, il- governanza tajba u d-demokrazija biex ikun assigurat li l-istituzzjonijiet jitħallew jaħdmu f’indipendenza assoluta," temmet tgħid.