'Splużjoni' ta' bookings fi ftit sigħat minn eluf ta' Ingliżi

Numru kbir ħafna ta' turisti Ingliżi jibbukkjaw vaganza f'lukanda f'Malta fl-aħħar sigħat. Andrew Agius Muscat jiddeskrivi dawn l-aħħar jumejn bħala imbuttatura qawwija fil-moral għal wieħed mill-akbar oqsma ekonomiċi ta' Malta

 

Jidher li se jkun staġun turistiku tajjeb, jgħid Agius Muscat
Jidher li se jkun staġun turistiku tajjeb, jgħid Agius Muscat

Il-lukandiera Maltin esperjenzaw splużjoni fil-bookings minn turisti Ingliżi hekk kif pajjiżna tpoġġa fuq il-Lista l-Ħadra tar-Renju Unit, bl-uniku kompetituri fil-Mediterran ikunu l-Gżejjer Baleriċi hekk kif l-Italja, Franza, Spanja u l-Greċja baqgħu barra minn din il-lista. 

Din il-qabża kbira fil-bookings fi ftit sigħat biss kienet ikkonfermata mal-gazzetta ILLUM mill-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u Ristoranti Andrew Agius Muscat li sostna wkoll illi dawn il-jumejn kienu imbuttatura kbira u tant meħtieġa għall-moral ta' eluf li jaħdmu f'dan il-qasam ekonomiku hekk kbir. 

"Il-bookings deħlin u deħlin sew - b'numri sostanzjali ħafna," sostna Agius Muscat illi qal li t-tkabbir fin-nurmi huwa lilhinn minn dak li kienu qed jesperjenzaw fl-aħħar jiem. Huwa qal ukoll li ż-żieda fil-bookings mit-turisti Ingliżi kienet waħda f'kull settur ta' lukandi. 

"Wara ħafna xhur ta' tbatijiet din kienet imbuttatura kbira fil-moral. Wara li rċevejna l-aħbar li tpoġġejna fuq din il-lista - li nħoss li kienet xi ħaġa mistħoqqa - bdejna issa nħarsu lejn staġun li jkun tajjeb ukoll." 

Huwa fakkar illi dak Ingliż jibqa' l-akbar suq turistiku għal pajjiżna u "għalkemm ħdimna biex ma nkunux dipendenti u nfethu swieq oħra - u allahares ma kienx hekk għax kieku konna inbatu ħafna iktar - is-suq Ingliż xorta jibqa' importanti ħafna."
Ilbieraħ ukoll Iċ-Chief Commercial Officer tal-Air Malta Roy Kinnear qal illi l-linja tal-ajru irċeviet aktar minn 1,000 booking f'jum wieħed għat-titjira minn Londra sa Malta, anke ftit qabel il-Gvern Ingliż ħabbar il-lista b'mod uffiċjali.

F'kummenti mas-sit timesofmalta.com huwa qal li mijiet ta' bookings kienu għal Lulju, li jibda fi ftit jiem oħra. 

Agius Muscat fakkar illi bħalissa qed ngħixu żminijet diffiċli u għalhekk l-assoċjazzjoni qed titlob għall-kawtela, fl-istess ħin iżda li awgura li l-affarijiet jibqgħu sejrin kif inhuma sabiex b'hekk ikomplu jitneħħew protokolli relatati mal-Covid-19. 

Huwa qal, għall-mistoqsija ta' din il-gazzetta, illi minkejja andament tajjeb ta' bookings l-industrija ma tistax għalissa tesperjenza l-istess staġun li esperjenza fl-2019 illi jfakkar illi kienet sena rekord assolut. 

"Bħalissa qisna erġajna bdejna mill-bidu," temm jgħid Agius Muscat. 

B'hekk ir-Renju Unit din il-ġimgħa segwa l-passi tal-Ġermanja u l-Olanda, li t-tnejn neħħew lil pajjiżna mil-lista ta' pajjiżi b'riskju għoli ta' Covid-19.

 

More in Politika