B’investiment ta’ aktar minn €900,000, it-Taqsima tar-Rapid Intervention Unit hija mgħammra bi flotta ta’ vetturi aktar moderni li se jwasslu għal aktar sigurtà fit-toroq tagħna. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri, waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġew inawgurati għoxrin vettura ġdida.
Il-Ministru Camilleri spjega kif, matul dawn l-aħħar erba’ snin, il-gvern investa madwar €3 miljun fil-flotta tal-pulizija biex jassigura li l-Korp tal-Pulizija jkun attrezzat biex jiffaċċja r-realtajiet tal-lum. Huwa qal kif f’ħafna mill-każi ta’ inċidenti jkunu l-membri tal-RIU li jaġixxu l-ewwel f’isem il-Pulizija, filwaqt li huma jwettqu rondi kontinwi madwar il-pajjiż kollu. Għaldaqstant, il-gvern kien impenjat li jinvesti f’din it-taqsima, hekk kif il-ħidma tal-uffiċjali fi ħdanha tiddependi ħafna mill-vetturi li bihom joperaw.
“Se ninvestu fejn u kemm hemm bżonn, imma se nitolbu lura ħidma, valur għall-flus u rispett lejn iċ-ċittadin,” saħaq il-Ministru, li fisser kif l-investiment fil-Korp tal-Pulizija se jissokta permezz ta’ sensiela ta’ proġetti oħra li mistennija jitlestew din is-sena. Fosthom, il-bini ta’ żewġ għases ġodda u l-estensjoni tal-pulizija tal-komunità f’numru ta’ lokalitajiet ġodda. Dawn huma lkoll ħoloq f’katina ta’ inizjattivi li għandhom iwasslu għal riforma b’saħħitha fil-Korp.
Fid-diskors tiegħu, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà elenka l-karatteristiċi ta’ sigurtà tal-flotta l-ġdida, fosthom barrier-shield li telimina l-kuntatt fiżiku bejn il-pulizija u d-detenut waqt it-trasportazzjoni tagħhom, polycarbonate backseat li jagħmilha faċli biex jinħasel b’sistema tal-ilma installata fil-vettura stess, ħażna sigura tal-armi li jinġarru mill-uffiċjali, kif ukoll sireni u beacon lights magħmulin għall-użu tal-Korp. Huwa spjega kif l-għan tal-investiment kien li l-Korp tal-Pulizija jkollu preżenza akbar fit-toroq, għalhekk il-vetturi huma mgħammra apposta biex jipprovdu aktar sigurtà lill-uffiċjali waqt il-qadi ta’ dmirijiethom, speċjalment matul il-lejl.