Il-Prim Ministru Robert Abela mistoqsi dwar ir-responsabilità politika li għandha tinġarr mill-predeċessur tiegħu għall-fatt li Malta tpoġġiet fuq il-Lista l-Griża tal-FATF, filwaqt li fakkar illi l-eks PM Joseph Muscat ilu ma jifforma parti mill-Gvern sena u nofs u lanqas għadu Deputat sostna li hu ma jista' qatt jiġġustifika l-Panama Papers, jiġifieri l-ftuħ ta' żewġ kumpaniji fil-Panama mill-eks Chief of Staff f'Kastilja Keith Schembri u l-eks Ministru Konrad Mizzi.
Fil-fatt dawn it-tnejn raw it-tmiem tal-karriera politika tagħhom ftit wara li Abela sar Prim Ministru, billi Schembri ma nħatarx fil-kariga mill-ġdid u Mizzi tkeċċa mill-Partit Laburista b'vot tal-Eżekuttiv Laburista, imsejjaħ mill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela.
Abela kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara laqgħa mal-imsieħba soċjali fl-MCESD illi matulha ġiet trattata l-kwistoni tal-FATF u l-fatt li din poġġiet lil Malta fuq il-Lista l-Griża.
Huwa sostna li l-ħidma fil-ġieda kontra l-ħasil tal-flus "bdiet u ilha għaddejja, kemm mal-Moneyval u issa mal-FATF." Huwa qal illi l-għan tal-Gvern jibqa' dak li jtella' l-livell tal-pajjiż għal dak ta' eċċellenza fuq diversi setturi bħal gaming u dak finanzjarju - l-aktar setturi fil-fatt li huma mistennijin li jħossu - direttament jew indirettament - id-deċiżjoni tal-FATF fuq pajjiżna.
"Il-ħsieb tal-Gvern huwa li jagħmel dak meħtieġ b'mod aċċellerat. Aħna rridu nissorpassaw it-tragwardi li tat l-FATF," sostna Abela.
Għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti huwa qal li żbalji sistematiċi saru kemm qabel u anke wara l-2013, "imma jiena determinat li nħarsu 'l quddiem u dak li seħħ ma jirrepetix ruħu."
'L-ebda rettorika mhi se toħroġna minn dan l-isqaq mudlam' - Bernard Grech
Intant wara l-Prim Ministru kien imissu jindirizza l-MCESD il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
Grech appella biex l-imsieħba soċjali jingħaqdu wara l-appell tiegħu għal Task Force nazzjonali li xogħolha jkun li pajjiżna jwettaq miżuri li jaraw kif Malta titneħħa minn din il-lista.
Huwa sostna li l-Gvern m'għandux jinjora l-għajta għal tentattiv nazzjonali li tirrikonoxxi u ssolvi l-problemi li għandu l-pajjiż.
"Kif qalet l-FATF stess, Malta ma tistax tnaqqas mill-importanza tal-impatt tal-fatt li tpoġġiet fuq il-Lista l-Griża ... wasal iż-żmien li l-abjad insejħulu abjad u l-iswed, iswed," qal il-Kap tal-Oppożizzjoni.
Fakkar kif l-Oppożizzjoni għamlet mozzjoni parlamentari illi fiha qed titlob li l-korrispondenza bejn il-Gvern u l-FATF tkun ippubblikata u qal ukoll illi l-Oppożizzjoni ma tistax tistrieħ biss fuq rapporti tal-midja.
"Dan huwa mument kritiku għal Malta u l-ebda rettorika jew klixè mhi se toħroġ lil pajjiżna minn dan l-isqaq mudlam."