Allerwieħ bla maskra! Imma min jista' jneħħiha? Fejn? X'għandek tkun taf?

Mil-lum persuni li huma mlaqqma kompletament jistgħu jneħħu l-maskra f'postijiet pubbliċi miftuħa

Mil-lum, persuni li huma mlaqqma kompletament jistgħu ma jilbsux il-maskra meta jkunu f’postijiet pubbliċi miftuħa.

Dan wara disa’ xhur li fihom l-ilbies tal-maskra kien prattikament obbligatorju mill-bieb tad-dar ‘il barra.

Madanakollu jistgħu jneħħu l-maskra biss dawk li huma mlaqqma kompletament u jkollhom disponibbli ċ-ċertifikat tal-vaċċin.

Persuna li hija mlaqqma kompletament tista’ tibqa’ bla maskra jekk tkun ma’ persuna oħra mlaqqma kompletament, imma jekk il-grupp ikun ta’ tliet persuni jew aktar, anke jekk kulħadd ikun imlaqqam, il-maskra trid tintlibes.

Din ir-regola ma tgħoddx f’każ ta’ familja li tgħix flimkien. Anke jekk ikunu aktar minn żewġ persuni, sakemm kollha jkunu mlaqqma kompletament, jistgħu jibqgħu bla maskra.

Dawk li għadhom ma ħadux it-tilqima, jew inkella fadlilhom jieħdu doża u għalhekk ma għandhomx iċ-ċertifikat tal-vaċċin ma jistgħux ineħħu l-maskra fil-pubbliku u min ikun magħhom, anke jekk imlaqqam, għandu jilbisha wkoll.

Minkejja li l-maskra tista’ titneħħa fil-pubbliku, kull persuna li tidħol f’ħanut, f’ristorant, f’uffiċċju, fi klinika jew inkella titla’ fuq mezz ta’ trasport pubbliku, għandha tilbes il-maskra.

Tfal li għandhom inqas minn 12-il sena jistgħu ma jilbsux il-maskra peress li għalihom għad ma hemmx vaċċin disponibbli.

Għal dawk li għandhom bejn 12 u 16-il sena, l-ilbies tal-maskra jibqa’ obbligatorju sakemm ikunu mlaqqma kompletament.

Importanti li min hu mlaqqam kompletament iżomm fuqu ċ-ċertifikat tal-vaċċin, kemm jekk stampat u kemm jekk fuq il-mowbajl. Importanti li wieħed iżomm fuqu wkoll il-karta tal-identità.

Uffiċjali, responsabbli mill-infurzar, bħall-Pulizija, jistgħu jistaqsu persuni li jkunu bla maskra biex jaraw iċ-ċertifikat.

Min jinqabad jikser dawn ir-regoli, jista’ jeħel multa ta’ €100.

More in Politika