L-eks Prim Ministru Joseph Muscat ma wegibx mistoqsijiet tal-gazzetta ILLUM fid-dawl tal-fatt li diversi persuni, fosthom l-Oppożizzjoni u l-għaqda Repubblika, qed iwaħħlu fih u l-Gvern li kien imexxi għall-fatt li Malta tpoġġiet fil-Lista l-Griża tal-FATF.
Minkejja l-mistosijiet tal-ILLUM Muscat qal biss li li hu jaqbel ma' u jappoggja l-pożizzjoni meħuda mill-Prim Ministru Robert Abela.
Il-gazzetta ILLUM staqsiet lill-eks PM jekk hu jħossx li l-Gvern li kien imexxi kienx parti kruċjali mill-kaġun ta' din il-greylisting, speċjalment fid-dawl ta' kwistjonijiet bħal Panama Papers. Staqsietu wkoll jekk iħossx li saret biżżejjed ħidma fil-kwistjoni tal-ħasil tal-flus mill-Gvern tiegħu meta l-Moneyval stess irrikonoxxiet li ħafna mill-ħidma li saret kienet f'dawn l-aħħar sena u nofs.
Finalment il-gazzetta ILLUM staqsiet lil Muscat kemm jaħseb li lagħbet parti l-Istati Uniti u r-relazzjonijiet li aħna bħala pajjiż komplejna nibnu ma' pajjizi barra l-UE (Il-Libja, iċ-Ċina..) f'din tal-greylisting. Staqsietu jaħsibx li l-Gvern għandux ibaxxi rasu jew inkella jiġilidha.
Malli ħarġet l-aħbar li tliet pajjiżi ivvutaw kontra Malta fl-FATF - kuntrarjament għal bosta pajjiżi oħrajn li kienu kontra dan il-pass fil-konfront ta' Malta - l-Oppożizzjoni u l-għaqda Repubblika sostnew li dan huwa tort ta' Muscat, bil-Kap tal-Oppożizzjoni saħansitra jisfida lill-PM biex "ikeċċi" u "jiċħad lil Muscat".
Repubblika ħarġet filmat li fih jidhru Muscat, Keith Schembri, Konrad Mizzi u elenku ta' persuni oħrajn assoċjati mal-Gvern u l-Partit Laburista, li fih issejħilhom "żibel".
Id-deċiżjoni tal-FATF tiġi minkejja li hi stess irrikonoxxiet li saru diversi passi 'l quddiem fuq il-maġġoranza ta' dak li kien mitlub mill-moneyval u tiġi wkoll minkejja li l-Moneyval għaddiet lil Malta minn dan it-test.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-President tal-FATF, Marcus Pleyer fakkar li fl-2019, Malta għaddiet minn investigazzjoni dwar il-ħidma tagħha kontra l-ħasil tal-flus, bir-rapport finali jelenka “diversi nuqqasijiet serji.”
L-FATF qed tħeġġeġ lil Malta biex turi li l-informazzjoni dwar is-sidien tal-kumpaniji bbażati f’Malta tkun preċiża u tappella lill-awtoritajiet biex jinvestigaw meta din l-informazzjoni ma tkunx preċiża. Qed tħeġġeġ lil Malta biex issaħħaħ l-użu tal-intelliġenza finanzjarja mill-FIAU biex tappoġġja lill-awtoritajiet li jaħdmu biex jiġġieldu l-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa. Tappella wkoll li għandhom ikunu kkjarifikati l-irwoli u r-responsabbilitajiet tal-Kummissarju għat-Taxxi Interni u l-FIAU. Tħeġġeġ ukoll lil Malta biex issaħħaħ il-ħidma tal-FIAU biex tkun tista tipprovdi biżżejjed informazzjoni li tgħin lill-Pulizija biex ikunu jistgħu jinvestigaw każi marbuta ma’ ħasil ta’ flus u l-evażjoni tat-taxxa.
Fuq nota pożittiva, l-FATF irrikonoxxiet li Malta għamlet progress f’diversi oqsma fosthom fir-riżorsi mogħtija lill-Pulizija u lill-Prosekuturi biex setgħu jinvestigaw u jieħdu passi kontra każi kumplessi ta’ ħasil tal-flus.