Waqt konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, qal li bħalissa, fl-isptarijiet, Malta għandha żewġ pazjenti li huma morda bil-Covid-19. Ikkonferma li dawn iż-żewġ pazjenti huma barranin, residenti f'Malta u li mhumiex imlaqqma kontra l-virus.
Wieħed minn dawn il-pazjenti jinsab rikoverat fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.
Qal ukoll li sal-ġimgħa li għaddiet kien hemm mara oħra bil-Covid-19 f'Mater Dei. Din il-mara kienet tqila u minħabba li kienet qed tistenna tarbija, ma kinitx ħadet it-tilqima.
Il-Ministru spjega wkoll li meta wieħed janalizza l-każi l-ġodda tal-Covid-19, jirriżulta li 90% tal-każi pożittivi qed ikunu pazjenti li għadhom ma ħadux it-tilqima.
"Dan juri kemm hu importanti t-tilqim," insista l-Ministru Fearne. "Juri kemm hu importanti li aħna nibbażaw ħafna l-politika tagħna tar-rilaxx tal-miżuri fuq iċ-ċertifikat tal-vaċċin. It-tilqim jipproteġi lill-individwi u lis-soċjetà."
Fil-fatt dan qed jidher ukoll f'pajjiżi oħra, bħar-Renju Unit, fejn minkejja ż-żieda kbira fil-każi, għax ħafna huma mlaqqma, ir-rata ta' pazjenti fl-isptarijiet, baqgħu baxxi.