Owen Bonnici jieħu f'idu r-responsabbilitajiet tas-Segretarjat Parlamentari li kellha Cutajar

Dan ifisser li l-Ministeru ta' Edward Zammit Lewis mhux se jibqa' responsabbli mill-Ugwaljanza, id-Drittijiet Ċivili u r-Riformi

Il-Ministru għall-Innovazzjoni, ir-Riċerka u l-istrateġija ta' Wara l-Covid-19, Owen Bonnici, se jkun qed jieħu f'idu r-responsabbiltajiet tas-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet Ċivili u r-Riformi.

Dan kien is-Segretarjat Parlamentari li kellha f'idha Rosianne Cutajar qabel ma rriżenjat, fi Frar li għadda, minħabba li kienet qed tkun investigata mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Illum sar magħruf li din ir-riżenja se tibqa' fis-seħħ hekk kif Hyzler kkonkluda li Cutajar kisret il-kodiċi tal-etika, wara li aċċettat flus mingħand Yorgen Fenech.

Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru saħaq li d-drittijiet ċivili, l-ugwaljanza, u r-riformi jibqgħu fil-qofol tal-ħidma tal-Gvern.

"Fiż-żmien li ġej dawn l-oqsma se jibqgħu jingħataw prijorità bil-għan li s-soċjetà Maltija tibqa’ tkun ta’ eżempju ħaj ta’ kif kulħadd għandu jkun stmat indaqs u jingħata l-istess opportunitajiet," qalet l-istqarrija.

Dan ifisser li l-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza, li jaqa' taħt ir-responsabbilità tal-Ministru Edward Zammit Lewis, issa se jkun qed jissejjaħ il-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Governanza.

More in Politika