L-ekonomija Maltija mistennija tikber b’5.8% fl-2022

Dan wara t-tkabbir ta’ 5.6% li kellha Malta, din is-sena

Il-Kummissjoni Ewropea rrevediet ‘il fuq it-tbassir ekonomiku għal pajjiżna għal din is-sena. Fis- ‘Summer 2021 Economic Forecast’ li għadu kif ġie ppubblikat, l-esperti tal-Kummissjoni għollew ittbassir tagħhom għat-tkabbir tal-ġid nazzjonali ta’ Malta fl-2021 minn 4.6% għal 5.6%. 

Fi stqarrija mill-Gvern Malti ġie spjegat li, "din ir-revizjoni ‘l fuq, ta’ punt perċentwali għal pajjiżna, hija ogħla minn dik magħmula għall-bqija taż-żona ewro, fejn it-tbassir tjieb b’nofs punt perċentwali, jew nofs il-bidla għat-tbassir għal pajjiżna."  L-istqarrija tfakkar ukoll li tajjeb jiġi innotat li kien hemm diversi pajjiżi fejn it-tbassir tal-Kummissjoni ma nbidilx ħafna.

L-istqarrija tgħid ukoll li l-esperti tal-Kummissjoni nnutaw li fl-ewwel kwart tal-2021, Malta diġà kisbet riżultati ekonomiċi aħjar milli previst. kien dan li wassal li jgħollu t-tbassir għal pajjiżna.

"Barra minn dan, innutaw kif l-ottimiżmu u l-kunfidenza fost in-negozji u familji tjiebet ħafna. Fattur ewlieni kien, “the high pace of vaccinations in Malta and the improvement in the public health situation”. Dan kollu wassal biex il-Kummissjoni tikkonkludi li, “economic activity is on a path to a solid recovery”. Element ieħor li jsemmu l-ekonomisti tal-Kummissjoni huwa titjib qawwi fil-konsum privat. Dan huwa kkawżat minn, “strong uptake of goverment-paid consumption vouchers.'"

It-titjib ekonomiku mistenni jkompli jaċċellera fl-2022, meta l-ekonomija Maltija mistennija tikber b’5.8% wara tkabbir ta’ 5.6% din is-sena. Fiż-żona ewro, minflok, it-tkabbir mistenni jonqos minn 4.8% għal 4.5%. F’Malta, is-sena d-dieħla, it-turiżmu mistenni jkompli jirranka, filwaqt li mistenni investiment qawwi kemm mis-settur privat kif ukoll mis-settur pubbliku. Fir-rigward tal-investiment pubbliku, l-esperti tal-Kummissjoni jsemmu l-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Irkupru. 

L-istqarrija ttemm tgħid li, "il-Gvern Malti jilqa’ dan iċ-ċertifikat ieħor fir-rigward tat-tmexxija ekonomika ta’ pajjiżna u jinnota li dawn il-kummenti esperti jikkuntrastaw ħafna mad-diskors negattiv tal-Oppożizzjoni. Bit-tnedija tal-Pjan ta’ Rkupru, l-istrateġija ta’ wara l-COVID-19 u l-viżjoni ekonomika, in-negozji u l-familji f’pajjiżna jistgħu jħarsu ‘l quddiem lejn prosperità ġdida."

More in Politika