F'Malta hawn 10 każi tal-varjant Delta; Kważi nofs il-każi ġodda huma importati

Dan il-varjant huwa aktar trasmissibbli iżda kollox jindika li l-vaċċin jaħdem kontrih ukoll għax fir-Renju Unit, minkejja li żdiedu l-każi, l-għadd tan-nies fl-isptarijiet baqa' wieħed baxx

 

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, ikkonfermat li l-każi tal-varjant Delta f'Malta żdiedu għal għaxra.

Gauci qalet dan meta kienet qed twieġeb mistoqsijiet fuq The Times of Malta.

Dan il-varjant, li nstab l-ewwel darba fl-Indja, huwa trasmissibbli aktar mill-Covid-19 normali u l-varjanti l-oħra.

Malta għandha wkoll żewġ każi tal-varjant Alpha (li oriġina fir-Renju Unit) u tliet każi tal-varjant Gamma (li oriġina fil-Brażil).

Din iż-żieda kienet mistennija u qed ibassru dan anke l-għaqdiet internazzjonali bħall-Għaqda Dinjija għas-Saħħa u ċ-Ċentru Ewropea għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard li spjegaw kif dan il-varjant se jkun dak dominanti sal-aħħar tas-sajf.

Dawn qed jappellaw biex aktar persuni jitlaqqmu, għax il-vaċċin huwa strumentali. Fil-fatt, f'pajjiżi fejn it-tilqim mexa, bħal fil-każ tar-Renju Unit, anke jekk żdiedu ħafna l-każi, l-għadd tan-nies fl-isptarijiet ma żdidx b'rata allarmanti, minkejja li l-varjant Delta huwa dominanti.

Gauci kkonfermat ukoll li 40% tal-każi l-ġodda f'Malta huma importati.

Fl-isptar hemm tliet żgħażagħ barranin, tnejn jgħixu f'Malta u ieħor li ġie biex jitgħallem l-Ingliż. Ħadd minn dawn għadu ma ħa l-vaċċin.

Biex tifhem aħjar x'inhu l-varjant Delta agħfas hawn.

More in Politika