It-tilqim f'Malta għadu għaddej b'ritmu tajjeb ħafna hekk kif sa issa 78% tal-popolazzjoni adulta hija mlaqqma kompletament kontra l-Covid-19.
Fil-fatt, hekk kif qed ikomplu jitlaqqmu dawk li għandhom 'il fuq minn 16-il sena, bdew jitlaqqmu wkoll l-adoloxxenti li għandhom bejn 12 u 15-il sena.
Il-mira tal-Gvern hija li Malta ma ddumx ma tilħaq il-mira li 80% tal-popolazzjoni tkun imlaqqma kompletament, aktar u aktar issa li qed jiżdiedu l-każi tal-varjant Delta li jinxtered ħafna aktar minn varjanti oħra.
Madanakollu t-tilqim jidher li qed jaħdem hekk kif din il-ġimgħa, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega kif 90% tal-każi pożittivi f'Malta qed ikunu persuni li ma ħadux it-tilqima.
Fl-isptar Mater Dei bħalissa hemm tliet pazjenti morda bil-virus. Dawn huma tliet żgħażagħ barranin li jgħixu Malta, wieħed minnhom qiegħed Malta biex jistudja l-Ingliż u li għadhom ma ħadux it-tilqima.
Il-fatt li t-tilqim qed jaħdem qed jidher ukoll minn dak li qed jiġri f'pajjiżi oħra, bħar-Renju Unit u l-Iżrael fejn il-każi żdiedu sostanzjalment iżda l-għadd ta' pazjenti l-isptar u anke r-rata tal-imwiet, ma żdidux b'mod allaramenti. Dawn iż-żewġ pajjiżi wkoll imxew ħafna fit-tilqim.