Il-Koalizzjoni Maltija dwar ir-Riforma tal-Prostituzzjoni Maltija u t-Traffikar Uman, filwaqt li ferħet lill-Ministru Owen Bonnici, li ġie fdat bil-portafoll tal-ugwaljanza u r-riforma, ħeġġitu biex ibiddel il-pożizzjoni tal-Gvern li jiddikriminalizza kemm il-prostituzzjoni u anke x-xiri tas-sess.
Fi stqarrija, il-Koalizzjoni qalet li l-pożizzjoni tal-Gvern, immexxija mill-eks Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar, ma kinitx infurmata biżżejjed dwar l-effetti negattivi li l-legalizzazzjoni tax-xiri tas-sess iġib miegħu.
Fost oħrajn, il-Koalizzjoni saħqet li l-proposta tal-Gvern ma tispjegax u ma tifhimx biżżejjed li hemm rabta bejn il-legalizzazzjoni tal-prostituzzjoni u t-traffikaw uman.
“Anke jekk 10% biss taż-2.5 miljun turisti li jiġu Malta jagħmlu dan għas-sess, minn fejn se jiġu n-nisa u t-tfajliet biex joffrulhom is-servizz? Hekk kif ħafna nisa Maltin mhux se jagħmlu dan, eluf ta’ nisa u tfajliet jispiċċaw jiġu ttraffikati biex tintlaħaq din id-domanda,” saħqet il-koalizzjoni.
Il-Koalizzjoni insistiet ukoll li hekk kif Malta tpoġġiet fil-lista l-griża tal-FATF, issa trid turi wkoll li kapaċi tinvestiga u tieħu passi kontra l-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa.
“In-negozju globali tas-sess jiswa madwar €1 biljun fis-sena,” saħqet il-Koalizzjoni u l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus mhumiex neqsin għax din l-industrija hija ħafna drabi mmexxija minn gruppi kriminali internazzjonali u anke traffikanti tal-persuni.
Insistiet ukoll li l-pożizzjoni ta’ Cutajar kienet ibbażata fuq dak li qalilha Kumitat Tekniku “li ma kellux biżżejjed esperjenza fir-realtajiet umani, soċjali u ekonomiċi li dawn il-kwistjonijiet kumplessi u diffiċli jġibu magħhom.
“Eskludiet għal kollox l-esperjenza tal-esperti, inkluż is-46 organizzazzjoni membru tal-Koalizzjoni tagħna li tirrappreżenta l-esperti kollha Maltin u oħrajn Ewropej,” kompliet l-istqarrija.
Kien għalhekk li ħeġġew lill-Ministru Bonnici biex jassigura li din il-liġi ma tkunx qed tikkriminalizza lill-vittmi tal-industrija tas-sess iżda fl-istess waqt taqta’ għal kollox “il-poter abbużiv” ta’ dawk li jħaddmu u jittraffikaw lin-nisa.
“Biex dak iseħħ, aħna nħeġġu lill-Ministru Bonnici biex ibiddel il-kompożizzjoni tal-Kumitat Tekniku u jqiegħed fih esperti minn diversi oqsma li jkunu jistgħu jagħtu l-aqwa pariri biex il-liġi tkun waħda li tipproteġi n-nies, lis-soċjetà, l-ekonimija u r-reputazzjoni,” temmet tgħid il-Koalizzjoni.