Jirringrazzja lill-Maġistrat wara li ngħata sentenza ta' sentejn ħabs
Ir-raġel inqabad fil-fatt ibigħ il-kannabis f'Paceville
More in Politika
Ir-raġel inqabad fil-fatt ibigħ il-kannabis f'Paceville
Raġel li nstab ħati ta’ pussess ta’ kannabis li ma kinitx għall-użu personali tiegħu, irringrazzja lill-Qorti wara li l-Maġistrat qallu li kien se jagħtih sentenza ta’ sentejn ħabs.
Ir-raġel li għandu 30 sena u huwa mis-Somalja, ma għandux indirizz fiss. Huwa kien akkużat b’pussess ta’ droga li ma kinitx għall-użu personali tiegħu u li għamel dan inqas minn 100 metru ‘l bogħod minn fejn jiltaqgħu żgħażagħ.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li meta l-Pulizija kienu qed jagħmlu ronda f’Paceville, ġew infurmati li kien hemm raġel li kien qed joħloq kommossjoni. Il-Pulizija marru u eventwalment indunaw li r-raġel kien qed ibigħ id-droga.
Fuqu nstabu 42 pakkett tal-kannabis. Huwa qal li kien seraqha u li ma kinitx ħaxixa tal-kannabis. Iżda wara li saru testijiet irriżulta li dawn kienu mimlija ħaxixa tal-kannabis.
Huwa wieġeb ħati minnufih anke jekk il-Qorti infurmatu li dan ifisser li kien se jeħel il-ħabs.
“Id-droga hija tiegħi u għaliha,” qal. Wara li ngħatat ftit ħin biex jitkellem mal-avukat, l-akkużat ikkonferma li jrid iwieġeb ħati.
Il-Prosekuzzjoni qalet li kienet qed tissuġġerixxi sentenza ta' sentejn ħabs anke għax ikkopera magħha u ammetta minnufih.
Eventwalment huwa ngħata s-sentenza u anke multa ta’ €500.
Kien hawn li rringrazzja lill-Maġistrat b’idejh marbuta ma’ xulxin, qabel ma nħareġ mill-awla biex jittieħed il-ħabs.