L-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel laqgħet d-deċiżjoni tal-Gvern ilbieraħ li minn nhar il-Erbgħa li ġej kull persuna li tidħol Malta trid tkun vvaċċinata qabel tibda vaganza f'pajjiżna. L-MUMN fakkret li lilhinn minn kull test PCR huwa l-vaċċin li huwa l-aqwa għodda biex jitwaqqaf it-tixrid tal-virus.
Ilbieraħ id-Deputat PM u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne sostna li Malta se tkun l-ewwel pajjiż li se tkun qed titlob biss ċertifikat tal-vaċċin u li mhux se taċċetta aktar turisti li jiġu biss b'PCR test. Din id-deċiżjoni ttieħdet hekk kif il-maġġoranza tal-każi qed ikunu relatati ma' safar u l-maġġoranza ta' persuni mhux qed ikunu mlaqqma. Fil-fatt, mill-madwar 150 każ li nstabu bejn ilbieraħ u llum, 35 kienu persuni residenti f'Malta
"Pass kuraġġuż huwa dak li permezz tiegħu persuni mhux ivvaċinati ma jistgħux jitilqu barra l-pajjiż sakemm ma jkollhomx permess speċjali mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika," qalet l-MUMN li ddeskriviet dan bħala "aħbarijiet tajbin għal dawk kollha li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa, speċjalment fi djar tal-anzjani għax ikun ifisser li ħaddiem f'dawn l-istituzzjonijiet ma jkunx jista' jxered il-virus fuq il-post tax-xogħol jekk ikun ħa l-virus. "
"Dawn il-miżuri flimkien ma' oħrajn li qed iwaqqfu attivitajiet tal-massa u l-infurzar huma t-triq 'l quddiem u għandhom ikunu n-normalita l-ġdida," ttemm l-istqarrija tagħha l-MUMN.