Minkejja li sa ftit xhur ilu kien mistenni jibqa', jidher li pressjoni favur tibdil fit-tmexxija tal-PN wasslet biex Francis Zammit Dimech illejla ndika li se jkun qed jitfa' r-riżenja tiegħu minn Segretarju Ġenerali tal-PN, billi mhux se jerġa' jitfa' ismu għall-kariga. Dan minkejja illi sa kmieni din is-sena il-pjan kien li jibqa' - xi ħaġa li waslet għall-kritika interna li l-PN qed jibqa' bl-istess uċuħ.
Zammit Dimech ilu jimmilita fil-PN sa mis-snin 80, u serva f'diversi karigi fil-partit kif ukoll kien Ministru diversi drabi, fi Gvernijiet Nazzjonalisti - fosthom tal-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu. Kien hu stess waqt il-Kunsill Ġenerali tal-PN li beda llum li indika li se jkun qed iċedi postu għal xi ħadd iżgħar u aktar żagħżugħ biex jokkupa l-kariga.
Hu kien inizzjalment beda jokkupa l-kariga b'mod interim, taħt it-tmexxija tal-eks Kap tal-PN Adrian Delia.