Il-Korp tal-Pulizija ma weġbux il-mistoqsijiet ta' din il-gazzetta dwar Maria Efimova, mifhuma li kienet il-persuna wara informazzjoni illi fil-Bank Pilatus, f'safe, kien hemm Declarations of Trust li Egrant Inc, kumpanija fil-Panama, kienet ta' Michelle Muscat - mart l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
Din il-gazzetta kważi sena ilu kienet staqsiet fhiex kienet tinsab l-investigazzjoni fuq din il-mara li ġiet akkużata mill-Qorti Maltija, f'rapport tal-Imħallef Aaron Bugeja, illi xerrdet kalunja kif ukoll bir-reat ta' perġurju - meta allura tigdeb waqt li tkun qed tixhed fil-Qorti. Din il-ġimgħa, propju wara li Muscat reġa' sejjaħ l-istorja dwar Egrant bħala "gidba", din il-gazzetta reġgħet staqsiet fhiex waslu l-proċeduri kontriha u jekk il-pulizija tafx fejn tinsab din il-mara. U jekk taf f'liema stadju jinsabu l-proċessi fil-konfront tagħha.
Minkejja li ġiet akkużata b'kalunja u ġurament falz u anke imressqa l-Qorti mill-Pulizija (mhux fiżikament għax ma kinitx Malta), jidher sal-lum li l-Korp tal-Pulizija ma jridx jikkumenta wisq f'dan l-istadju, għax qal lil din il-gazzetta li l-każ huwa sub judice u allura mhuwiex prudenti li jsiru kummenti.
Meta din il-gazzetta staqsiet iżda jekk il-Korp tal-Pulizija jafx fejn tinsab l-akkużata u jekk hijiex qed tippjana li ġġib lil Efimova lura, din il-gazzetta ntlaqgħet biss minn silenzju, filwaqt li kelliem tal-Korp sempiċiment qal lil gazzetta ILLUM li hemm mandat ta' arrest ewropew kontriha u li l-pulizija ressqitha, bil-każ ikun diferit għal aktar tard din is-sena.
Fil-fatt il-pulizija ressqet lil Maria Efimova lura fil-11 ta' Novembru 2020, tmien xhur ilu.
Il-Pulizija Ċiprijotta wkoll kienet qed tfittex lil Efimova, bejn Frar 2013 u Ġunju 2014, wara lment mill-eks impjegatur tagħha, IFD Fragrance Distribution. Sussegwentement il-Pulizija Ċiprijotta wkoll ħarġet mandat ta' arrest ewropew. Dan il-mandat iżda ma ntlaqax mill-Interpol, filwaqt li lura fl-2018 il-Qorti Griega ma kinitx laqgħet it-talba ta' Malta biex tibgħat lil Efimova lura hawn, wara li sostniet illi l-akkużi li qed isiru kontriha huma wisq vagi. Din l-aħbar intlaqgħet b'mod pożittiv mill-MEP Malti David Casa, fost oħrajn.
Maria Efimova kienet sostniet illi telqet minn Malta bil-biża' li d-destin tagħha se jkun bħal dak ta' Daphne Caruana Galizia.
Pantelis Varnava, ir-raġel ta' Efimova u ċittadin tal-Greċja u Ċipru wkoll qed jiffaċċja akkużi ta' frodi u ħasil ta' flus - akkużi li hu jgħid li ma humiex minnhom u huma sempliċiment kontinwazzjoni tal-attakk fuq martu.
L-avukat tiegħu kien qal li Varnava kienu qed jippruvaw jagħmlu vendikazzjoni kontrih.
L-Imħallef Aaron Bugeja ma kienx sab evidenza li torbot lil Egrant Inc ma' Michelle Muscat, filwaqt li kien sab ukoll li l-firem li saru fuq id-dikjarazzjoni li tgħid illi Muscat kienet fil-fatt is-sid u li suppost kienu ta' Jaqueline Alexander, kienu foloz.