L-avukat Jonathan Attard se jkun qed jieħu l-ġurament bħala deputat parlamentari iktar tard illum, wara li l-Grupp Parlamentari u l-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista qablu unanimament li jkun co-opted fil-parlament. Din hija biddla oħra fil-Grupp Parlamentari Laburista, wara li ddaħħal l-eks Chairperson tal-KNPD Oliver Scicluna u l-eks MEP Miriam Dalli.
Attard se jidħol fil-Parlament wara r-riżenja ta’ Manuel Mallia, li nħatar bħala Kummissarju Għoli ta’ Malta għar-Renju Unit.
Jonathan Attard ilu jipprattika ta’ avukat mill-2015 u minbarra li hu gradwat b’dottorat fil-liġi, gradwa wkoll fil-Komunikazzjoni u l-Istudji Soċjali. Huwa wkoll kandidat għall-elezzjoni ġenerali li jmiss fuq ir-raba' distrett (Raħal Ġdid, Ħal Tarxien ...) u t-12-il distrett (San Pawl il-Baħar, Mellieħa...).
Fl-aħħar snin kien fdat biex jaħdem fuq diversi riformi leġiżlattivi u riformi kostituzzjonali. Għandu wkoll esperjenza fil-ġurnaliżmu u kien involut ukoll fit-trejdjunjoniżmu mal-General Workers Union.