'L-iskejjel tal-Ingliż għandhom jiftħu biss għal studenti ivvaċċinati' - PN
Dan qiegħed jintqal fid-dawl taż-żieda ta' każi li rat Malta fl-aħħar ftit ġimgħat
More in Politika
Dan qiegħed jintqal fid-dawl taż-żieda ta' każi li rat Malta fl-aħħar ftit ġimgħat
Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jinsisti li l-Gvern għandu jaċċetta t-talba tal-iskejjel tal-Ingliż biex jiftħu biss għal studenti ivvaċċinati filwaqt li sostna li l-Gvern qiegħed jitlef il-kontroll tal-Coronavirus f'pajjiżna. Dan qiegħed jintqal fid-dawl taż-żieda ta' każi wara li llum Malta laħqet l-1,000 każ attiv.
"L-iskejjel tal-Ingliż m’humiex il-problema, imma jistgħu jkunu parti mis-soluzzjoni. Il-Gvern għandu jaċċetta t-talba tal-iskejjel tal-Ingliż biex jiftħu biss għal studenti ivvaċċinati. Għandu wkoll jassisti lill-istess skejjel li lesti li joffru t-tagħlim online imma l-Gvern qed iħallihom ifendu għal rashom," tenna l-PN.
Fil-fatt bħalissa huwa kważi fl-Ewropa kollha li qed jiżdiedu n-numri bir-Renju Unit illum biss jirreġistra 36,216-il każ ġdid ta' Covid-19 u Spanja tirreġistra kważi 44,000 każ ġdid ta' Covid-19, biċ-ċans li l-gżejjer Baleriċi jitneħħew mil-Lista l-Ħadra tar-Renju Unit. Fl-Olanda s-sitwazzjoni hija ugwalment ħażina, bil-PM Olandiż kostrett japoloġizza għall-fatt li reġa' fetaħ il-clubs. Dan huwa frott it-tixrid tal-varjant Delta.
Lura f'Malta, il-PN sostna li "wara li l-Gvern ħa diversi deċiżjonijiet immaturi u bla viżjoni" huwa ċar li bin-numru ta’ każi
tal-COVID-19 jitilgħu b’ritmu xokkanti, l-Gvern qed jitlef il-kontroll u m’għandux viżjoni."
Kompla jgħid li l-vouchers ta’ €300 messhom ingħataw biss lit-turisti vvaċċinati bħala inċentiv u mhux lil kulħadd u l-ftuħ tas-settur turistiku ried ikun aktar kawt.
Il-PN jgħid li l-pass li jmiss hu li l-Gvern jassigura nfurzar ferm aktar strett fil-portijiet, jassigura contact tracing rigoruż u jindirizza s-sitwazzjoni tal-istudenti tal-Ingliż li nqabdu Malta wara li kien il-Gvern stess li nkoraġġihom jidħlu.
'Il-Partit Nazzjonalista jitkellem fuq il-pandemija biss meta jitilgħu n-numri' - Partit Laburista
Fir-risposta tiegħu, il-Partit Laburista qal li l-PN jitkellem fuq il-pandemija biss meta jitilgħu n-numri kif ukoll li m’għandu ebda kredibbiltà meta jitkellem fuq il-pandemija.
Il-PL qal li "ta’ kuljum joħorġu verżjonijiet totalment opposti minn ħdan l-istess Covid Team tal-Partit Nazzjonalista. Min qed f’estrem u min f’ieħor." Qal ukoll li l-PN hu kontinwament kontra l-pariri tal-esperti tal-awtoritajiet tas-saħħa
"Jidher ċar li l-Partit Nazzjonalista ma jridx l-affarijiet jitjiebu tant li fi stqarrija wara oħra jonqos milli jappella biex in-nies jikkonkorru għal vaċċin li hu parti mis-soluzzjoni. Il-Gvern jibqa’ jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex iħares is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin. Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jilgħab għall-gallarija."