Il-kwarantina ta' 14-il jum se tgħodd għal kull min jidħol Malta mingħajr ċertifikat tal-vaċċin, li jinkludi wkoll Maltin li jiddeċiedu li jsiefru mingħajr ma jkollhom dan iċ-ċeritifikat.
Kienet is-Supretendent tas-Saħħa Charmaine Gauci li illum ħabbret standards għall-kwarantina li huma obbligati jsegwu persuni li jaslu f’Malta mingħajr ċertifikat tal-vaċċin.
Persuni bla ċertifikat tal-vaċċin rikonoxxut mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika li jidħlu f’ pajjiżna jridu jkunu fil-pussess ta’ PCR test negattiv li jkun sar mhux iktar minn 72 siegħa qabel il-wasla tagħhom f’pajjiżna. Dan it-test għandu jiġi ppreżentat biex il-persuna titħalla titla’ abbord l-ajruplan għal Malta. Mal-wasla f’Malta, persuni mingħajr ċertifikat tal-vaċċin rikonoxxut iridu jagħmlu perjodu ta’ kwarantina mandatorja.
L-istandards jesiġu li l-kwarantina ta’ 14-il ġurnata ssir f’lukanda rikonoxxuta mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika. Tfal ta’ bejn it-12 u l-15-il sena (biż-żewġ etajiet inklużi) li għandhom residenza fissa f’Malta u li mhumiex fil-pussess taċ-ċertifikat tal-vaċċin jistgħu jagħmlu l-kwarantina obbligatorja fir-residenza tagħhom.
Individwi ta’ ‘l fuq minn 16-il sena li huma residenti Malta wkoll jistgħu jitolbu għall-awtorizazzjoni tas-Supretendent għas-Saħħa Pubblika biex jagħmlu l-perjodu ta’ kwarantina f’residenza alternattiva. Kull każ se jiġi deċiż fuq bażi individwali. F’ dawn il-każijiet il-persuni li jgħixu fl-istess residenza jkollhom joqgħodu fi kwarantina għall-istess perjodu.
Tfal ta’ bejn il-5 snin u l-11-il sena għandhom biss jippreżentaw PCR test negattiv meta jkunu akkumpanjati minn adulti li għandhom ċertifikat tal-vaċċin rikonoxxut. Tfal ta’ taħt il-5 snin jistgħu jidħlu f’Malta mingħajr il-bżonn ta’ PCR test.