Adrian Delia jimmira wkoll għad-distrett taż-Żebbuġin u r-Rabtin

Il-partitarji tiegħu jixtiquh jikkontesta r-raba’ distrett biex ‘jaqlibha’ lil Jason Azzopardi

L-els Kap tal-PN Adrian Delia
L-els Kap tal-PN Adrian Delia

Apparti t-tmien distrett elettorali, l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia mistenni jikkontesta wkoll l-Elezzjoni Ġenerali li jmiss fuq is-seba’ distrett, li fost oħrajn jinkludi l-lokalitajiet ta’ Ħaż-Żebbuġ u r-Rabat. 

Ilu magħruf li Adrian Delia se jkun qed jikkontesta l-Elezzjoni Ġenerali fuq id-distrett ta’ Birkirkara, il-lokalità fejn twieled u trabba. Dan id-distrett, għal dawn l-aħħar snin, kien iddominat mill-kunjom Fenech Adami, kemm meta kien jikkontesta l-eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami u issa wkoll bis-saħħa ta’ ibnu Beppe Fenech Adami li jitla’ sparat.

Madanakollu kien hemm ukoll ħafna għajdut fuq id-distrett l-ieħor li Delia se jkun qed jikkontesta fuqu. Sorsi viċin l-eks Kap tal-Oppożizzjoni kkonfermaw li Delia mistenni jikkontesta s-seba’ distrett, hekk kif bħalissa qed jgħix Ħaż-Żebbuġ.

Fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali, fuq dan id-distrett ukoll kien ikkontesta Beppe Fenech Adami, wieħed mill-aktar persuni li kienu voċiferi kontra l-eks Kap Nazzjonalista. Fenech Adami kien l-aktar kandidat Nazzjonalista li ġab voti f’dan id-distrett ukoll, hekk kif kien kiseb 2,195 vot fl-ewwel għadd. Mhux magħruf jekk Fenech Adami hux se jerġa’ jikkontesta fuq dan id-Distrett.

Fuq dan id-distrett, fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali, kien ikkontesta wkoll Jean Pierre Debono, li mbagħad kien ċeda s-siġġu lil Delia meta sar Kap Nazzjonalista u anke d-Deputat Edwin Vassallo. 

Ta’ min isemmi, li fl-Elezzjoni Ġenerali li jmiss, fuq dan l-istess Distrett se jkun qed jikkontesta f’isem il-Partit Nazzjonalista, l-eks Sindku Laburista tar-Rabat, Charles Azzopardi. Azzopardi kisirha mal-Partit Laburista meta kien twaqqaf milli jikkontesta l-elezzjonijiet lokali tal-2019, minħabba allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni, li hu dejjem ċaħad u li dwarhom qatt ma ttieħdu passi.

‘Ħafna jriduh jikkontesta fuq ir-raba’ distrett biex jaqlibha lil Jason’

Dan l-aħħar kien qed jingħad ukoll li Delia jixtieq jikkontesta r-raba’ distrett elettorali, id-distett ta’ Raħal Ġdid u allura tad-Deputat Jason Azzopardi, li qatt ma dejjaq jeħodha fil-pubbliku kontra l-eks Kap Nazzjonalista, anke wara li ma baqax kap.

“Ħafna jridu lil Delia jikkontesta fuq dan id-Distrett,” insistew is-sorsi li tkellmu mal-gazzetta ILLUM. “Lil Jason qatt ma ħafruhielu u ma jriduhx elett.”

Minkejja l-għajdut u din ix-xewqa mis-segwaċi ta’ Delia, ma jidhirx li l-eks Kap qed jimmira li jikkontesta dan id-distrett. 

Huwa fatt magħruf ukoll lil Adrian Delia għandu appoġġ b’saħħtu ħafna fit-tieni distrett elettorali, jiġifieri d-distrett tal-Kottonera.

Madanakollu Delia ma jridx jikkontesta dan id-distrett, minkejja li jaf li għandu ċans tajjeb li jitla’ sparat.

Jidher li ma jridx jagħmel dan minħabba li l-Partit Nazzjonalista, minn din il-fortizza Laburista, jeleġġi biss kandidat wieħed u għalhekk ma jridx li jagħmel ħsara lid-Deputat Stephen Spiteri, wieħed mill-ftit Deputati li baqa’ leali lejh meta kien Kap. 

More in Politika