Il-PN iressaq mozzjoni parlamentari kontra l-intolleranza u r-razziżmu

Il-mozzjoni parlamentari ġiet motivata minn dak li qed jiġri fl-Ingilterra wara l-logħba finali tal-Euro 2020

Il-Partit Nazzjonalista ressaq mozzjoni parlamentari kontra atti ta' intoleranza, xenofobija u razziżmu. Spjegaw li dan ġie motivat b'dak kollu li għaddej fid-dinja bħalissa, b'mod speċjali dak li qed jiġri fl-Ingilterra wara l-logħba finali tal-Euro 2020.

Il-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament, David Aguis, flimkien mal-Kelliem għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Carmelo Mifsud Bonnici kif ukoll il-Whip tal-Grupp Parlamentari, Robert Cutajar, stqarrew li "hemm żerriegħa żbaljata li għadha tiġri mas-saqajn, hemm bżonn passi legiżlattivi u edukattivi biex dan kollu jiġi kkontrollat u eradikat."

Il-ġrajjiet kurrenti li għalihom qed jirreferi l-Partit Nazzjonalista seħħew kollha wara l-partita tal-Euro 2020 fejn l-Ingilterra tilfu kontra l-Italja bil-penelties, f'Londra stess. It-tliet persuni li naqsu milli jdaħħlu l-ballun fix-xibka fl-għoti tal-penalties, Bukayo Saka, Marcus Rashford u Jadon Sancho, sabu ruħhom f'mira ta' abbuż razzist li wassal ukoll għal atti ta' vandaliżmu.

Lura għall-istqarrija tal-PN, il-partit kompla jgħid li din l-attitudni, "hija frott ta’ ideat politiċi mxerrda mil-lemin estrem, dawk li ġiebu fil-proċess talbanalitá tal-ħażen l-kampijiet tal-konċentrament. Kampijiet li fih inqatlu miljuni ta’ bnedmin innoċenti bħalna li l-kundanna tagħhom kienet r-razza, li kienu lhud."

Stqarrew li jinsabu inkwetati u bħala partit huma jaraw r-razziżmu, l-intolleranza bħala aġir u forza antidemokratika. Dan kollu hu r-raġuni għaliex qegħdin iressqu din l-proposta legiżlattiva b’mozzjoni sabiex tiġi diskussa fil-kamra tad-deputati.

Il-PN temm jgħid li "pajjiżna huwa stat demokratiku u bħala deputati għandna d-dmir li nassiguraw b’passi legiżlattivi li jiġi protett."

More in Politika