Jibdew jitħaffru l-mini l-ġodda taħt ir-roundabout tal-ajruport

Flimkien dawn iż-żewġ proġetti mistennija jnaqqsu l-ħin tal-ivjaġġar sa 74% tul din ir-rotta

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg ħabbar li x-xogħol fuq il-proġett tal-mini ta’ Ħal Kirkop u l-Intersezzjoni tal-Ajruport, b’investiment ta’ €18-il miljun, miexi ġmielu hekk kif il-kuntratturi tal-proġett diġà skavaw 30% ta’ dan l-underpass u r-rampi tiegħu.

L-aġenzija Infrastructure Malta bdiet tħaffer l-underpass tar-roundabout il-ġdid ta’ 200 metru u ż-żewġ rampi ta’ 120 metru f’April li għadda. Dan se joħloq rabta diretta u aktar sigura bejn il-karreġġjati lejn in-nofsinhar u lejn it-tramuntana ta’ Vjal L-Avjazzjoni u Triq Ħal Far.

Il-Ministru qal li, b’dan il-proġett se nkunu qed jonqsu kemm il-ħin tal-ivvjaġġar minħabba li se jonqos it-traffiku, kif ukoll ir-riskju ta’ inċidenti. Apparti hekk, Infrastructure Malta bħalissa qed tipprepara wkoll biex tibda l-Luqa Junction Project”

Flimkien dawn iż-żewġ proġetti huma mistennija jnaqqsu l-ħin tal-ivjaġġar sa 74% tul din ir-rotta.

Il-proġett tal-mini ta’ Ħal Kirkop u l-Intersezzjoni tal-Ajruport se jkun qed jirrevedi wkoll networks tas-servizzi li jinsabu taħt l-art taż-żona bħal ma huma 10 kilometri ta’ cables tal-elettriku ġodda, tal-internet, tat-telekomunikazzjoni, mains tal-ilma, drenaġġ u pipelines tal-ilma tax-xita. Madwar 20% ta’ dawn in-networks huma lesti.

More in Politika