'Jekk jeħduli l-warrant ħajti tispiċċa ta' taħt fuq'

Xhieda fil-Qorti turi kif il-familja Pace dejjem insistiet li l-importani għaliha kien li jinbidlu l-liġijiet u jingħataw kumpens ... 

F'parti mix-xhieda tiegħu wieħed mill-periti li instab ħati bil-qtil ta' Miriam Pace imma ngħata multa u xogħol fil-komunità - sentenza li kienet ikkritikata bil-qawwi minn ħafna fuq il-midja soċjali u anke editorjalment minn diversi gazzetti (fosthom l-ILLUM), qal illi għall-bidu kien "partikolarment mbeżża'" li meta jagħti l-verżjoni tiegħu tal-inċident lill-pulizija l-kuntrattur jagħmel ħsara lilu jew lill-familja tiegħu. 

Roderick Camilleri qal ukoll lill-Qorti skont id-dokumenti li ġew murija lil din il-gazzetta illi jekk jeħdulu l-warrant ħajtu "tispiċċa ta' taħt fuq" għax hu ma jafx liema xogħol differenti jista' jagħmel hekk kif studja biex isir perit. Hu qal ukoll li mill-Kamra tal-Periti ma sab ebda sostenn u insista li minkejja d-diffikultajiet emozzjonali hu dejjem baqa' kapaċi jaħdem. 

Tard il-ġimgħa l-oħra l-Kamra tal-Periti qalet li se tkun qed tiftaħ mill-ġdid iż-żewġ investigazzjonijiet li kienu ġew sospiżi, fil-konfront taż-żewġ periti, ħatja bil-qtil involontarju ta' Miriam Pace. Fi stqarrija l-Kamra qalet illi jekk il-periti ma jappellawx, hi se tkun qegħda tanalizza s-sentenza sabiex jiġi stabbilit jekk kienx hemm merti ta’ dixxiplina li ma ġewx indirizzati fil-kawża kriminali, inkluż ksur tal-kodiċi tal-kondotta, ksur ta’ direttiva tal-Kamra, imġieba mhux professjonali jew negliġenza, u aġir li jiskredita l-professjoni. 

Mal-Qorti l-perit jispjega kif  hu qatt ma kellu problemi fuq il-post tax-xogħol, għalkemm wara l-inċident jgħid li beda jkun "attent iżżejjed" u jirrifjuta xogħol jekk jinnota "l-iċken kumplikazzjoni." 

Camilleri nqal illi kull filgħodu kien iqum jirremetti, "tant inħoss toqol fl-istonku" wara l-inċident u spjega lill-Qorti wkoll kemm hu diffiċli li jaqra ċerti kummenti fuq il-midja soċjali , fosthom ta' nies li jħeġġu biex "joqtluh."  

Fix-xhieda, Carmel Pace ir-raġel tal-vittma, qal li qabel seħħ l-inċident huma kienu diġà kellmu lil dan il-perit darba oħra, b'Pace jgħid li Camilleri dejjem kien edukat miegħu.  

Huwa qal li darba kienu marru mal-ġirien u ma' dan il-perit kienu lmentaw u esprimew it-tħassib dwar ix-xogħol li kien qed isir biswit id-dar tagħhom. Dakinhar hu kien spjegalhom li kien se jintuża trencher għax-xogħol li kien se jsir mal-ħajt tal-appoġġ.  Meta mistoqsi jekk il-bqija tax-xogħol jistax isir bl-istess mod, ġie rrimarkat lil Pace: "Ma tafx kemm tiswa' sega?" 

Intant filwaqt li x-xhieda tagħmel referenza għal diskussjonijiet dwar il-kumpens bejn iż-żewġ naħat il-Qorti innutat kif għall-familja tal-vittma l-aktar importanti kien li jinbidlu l-liġijiet kif ukoll li jingħataw kumpens.  

Ftit wara s-sentenza, l-avukat Joe Giglio li kien qed jidher f'isem il-familja Pace qal illi din il-familja qatt ma semmiet ħabs u ma xtaqitx vendetta.  

Intant il-familja Pace ma opponietx talba quddiem il-Qorti mingħand il-kumpanija involuta fuq is-sit fejn seħħ l-inċident - MCZMC Ltd. - biex is-sit in kwistjoni fejn seħħ l-inċident jiġi rilaxxat. Kien l-Avukat Ġenerali fil-fatt li oppona din it-talba minħabba li l-każ il-Qorti kontra tali kuntratturi għadu għaddej u għad iridu jitressqu provi. 

More in Politika