81% tal-Maltin issa huma mlaqqma kompletament kontra l-Covid-19 filwaqt li 85% tal-adulti Maltin ħadu mqar doża waħda.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne hekk kif mil-lum infetħu żewġ kliniċi fejn persuna tista' tmur tieħu l-vaċċin mingħajr il-bżonn ta' appuntament.
Fil-fatt, id-Deputat Prim Ministru saħaq li kienu diversi dawk il-persuni li dalgħodu żaru l-mobile clinic, li llum tinsab fit-Technopark tal-Mosta biex jieħdu l-vaċċin.
Apparti l-mobile clinic, wieħed jista' jmur jieħu l-vaċċin mingħajr appuntament fl-Università ta' Malta (Gateway Building) jew inkella fiċ-Ċentru għall-Konferenzi tar-Rabat Għawdex. Dawn iż-żewġ walk-in clinics se jkunu miftuħa mit-Tnejn sas-Sibt bejn it-8:30am u t-3:00pm.
Intant, il-mobile clinic se tkun f'dawn il-lokalitajiet:
- 21 ta' Lulju: Ħdejn il-Knisja Arċipretali taż-Żejtun
- 23 ta' Lulju: Ħdejn l-Għassa tal-Pulizija ta' San Ġiljan
- 27 sat-29 ta' Lulju: Quddiem il-Parlament fil-Belt Valletta
Il-mobile clinic tkun miftuħa bejn id-9:00am u nofsinhar.